Sister Gabriella Bottani, koordinatriċi tat-Talitha Kum International Network of Consacrated Life against Trafficking in Person li kienet onorata mill-Gvern Amerikan (Credit: CNS photo/Dennis Sadowski.)

Soru Taljana li għaddiet ħafna mill-Ministeru tagħha taħdem biex issalva nies milli jkunu traffikati minn Myanmar għall-Istati Uniti, ngħata rikonoxximent ta’ Eroj mid-Dipartiment tal-Istat Amerikan, għall-ħidma tagħha.

Sister Gabriella Bottani, ngħatat danl-unur nhar il-Ħamis li għadda waqt ċerimonja li fiha kien preżentat ir-Rapport dwar it-Traffikar ta’ Persuni, li kien preżentat  mis-Segretarju tal-Istat, Mike Pompeo.

Sr. Bottani kienet waħda minn disa’ persunili ngħataw it-titulu ta’ “Eroj” b’rikonoxximent għall-isforzi bla waqfien tagħhom biex jiġġieldu l-pjaga tal-iskjavitù li hu kalkulat li tolqot madwar 25 miljun persuna u li l-Papa Franġisku jsejħilha “delitt kontra l-umanità.

Fiċ-ċerimonja s-soru tkellmet għan-nom tal’”Eroj” l-oħra.

Responsabbiltà kbira        

“Din hi responsabbiltà kbira għalina li ngħatajna dan l-unur. Illum, jien qiegħda hawn f’isem l-organiżazzjoni Talitha Kum li hi għaqda internazzjonali ta’ nisa nsara li jridu jiġġieldu l-vjolenza u l-ksur gravi tad-drittijiet umani li jsir permezz tat-traffikar uman u kull forma ta’ esplojtazzjoni oħra madwar id-dinja”.

L-organiżazzjoni Talitha Kum twaqqfet minn Sr. Bottani 10 snin ilu u tiġbor fiha 50 grupp reġjonali jew nazzjonali, mmexxija minn sorijiet mifruxa f’kull continent u hi preżenti f’aktar minn 70 pajjiż. Taħdem biex ikun tqajjem kuxjenza kontra dan it-traffikar u toffri protezzjoni lil dawk li jirnexxielhom jeħilsu minn dan il-jasar billi tipprovdilhom dar u tgħinhom jerġgħu jintegraw ruħhom fis-soċjetà.

“Aħna naħdmu b’kollaborazzjoni ma’ indivdwi u organiżazzjonijiet u persuni ta’ twemmin differenti, imma nies ta’ rieda tajba u nwarrbu kull tip ta’ ideoloġia jew differenzi politiċi u reliġjużi, biex niġġieldu t-traffikar uman”, qalet is-soru.

Sr Bottini qalet li t-tliet kawżi ewlenin tat-traffikar uman huma: nuqqas ta’ ugwaljanza fl-istrutturi tas-soċjetà li l-aktar li jagħmlu ħsara huma lin-nisa, tfal u persuni indiġeni; politika dwar l-emigrazzjoni li mhux adegwata; u mudelli ekonomiċi li jesplojtaw il-bniedem u r-riżorsi naturali għall-profitt tal-ftit u jċaħħdu lil ħafna.

Simbolu b’saħħtu      

Meta rreferiet għar-Rapport tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan dwar it-traffikar uman, is-soru qalet li dan ir-rapport sar “simbolu b’saħħtu” tal-impenn biex tkun kumbattuta din il-pjaga fuq livell internazzjonali.

Dan ir-rapport jaqsem lill-pajjiżi fi tliet kategoriji u dawk fit-tielet kategorija huma l-agħar pajjiżi għat-traffikar uman. Fost il-pajjiżi fl-ewwel kategorija hemm iċ-Ċina, Myanmar, il-Korea ta’ Fuq, Cuba, l-Iran, is-Saudi Arabia, is-Sudan t’Isfel, ir-Russja u l-Venezuela.

Pajjiżi f’din it-tielet kategorija jistgħu jispiċċaw mingħajr għajnuna mill-Fond Monetarju Internazzjonli jew korpi internazzjonali oħra li jagħtu għajnuna għall-iżvilupp.

“It-traffikar uman hu tebgħa fuq l-umanità”, qal Mike Pompeo. “Aħna nikkundannawh għax bl-aktar mod sfaċċat jikserid-drittijiet inaljenabbli ta’ kull persuna umana. Kull persuna, kullimkien għandha dinjità inerenti u ugwali daqs kull persuna oħra”.

Is-Segretarju tal-Istat Amerikan wiegħed li l-Istati Uniti “se tibgħat l-aktar messaġġ b’saħħtu possibbli lit-traffikanti umani li l-atti kriminali tagħhom m’humiex tollerati”.

Nikkumbattu t-traffikar uman  

Preżenti għal din iċ-ċerimonja kien hemm ukoll l-Ambaxxatriċi Amerikana għas-Santa Sede, Callista Gingrich li qalet li Sr Bottani bil-ħidma tagħha tul ħajjitha fil-ġlieda kontra t-traffikar uman, salvat ħafna ħajjiet.

Sostniet li l-Ambaxxata Amerikana għall-Vatikan hi kburija li tikkollabora ma’ Sr. Gabriella Bottani u l-Fondazzjoni Talitha Kum u sostniet li sħubija bħal din hi kruċjali għall-ħidma biex jinqered it-traffikar uman fuq livell globali, darba għal dejjem.

Min-naħa tagħha Sr Bottani appellat biex id-dinja kollha tingħaqad biex tikkumbatti t-traffikar uman. “Din hi s-sejħa li aħna l-‘Eroj’ qed nagħmlu llum – biex b’kuraġġ inżidu l-ħidma biex niftħu toroq ġodda għall-ħelsien ta’ dawn l-iskjavi.  Dan il-ħelsien hu possibbli jekk naħdmu flimkien mhux biss bħala individwi u organiżazzjonijiet imma anke bħala pajjiżi. Ejja nqumu fuq saqajn flimkien u nnaddfu din il-pjaga”.