Il-Federazzjoni Maltija għall-Produtturi tal-Akwakultura (FMAP) qalet li llum instabet tonna li nqatlet b’mod illegali b’rasha maqtugħa.

Fi stqarrija, l-FMAP qalet li tinsab ippreokkupata bl-għadd ta’ irjus ta’ tonn, karkassi u tonn sħiħ fi stat qawwi ta’ dekompozizzjoni li qed jiġi rrapurtat dan l-aħħar.

Intqal li s’issa inġabru mid-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni aktar minn ħames t’irjus tat-tonn li ġie imnaddaf fuq il-baħar b’mod illegali. Il-karkassi kollha qed jiġu rrapurtati li nġabru mill-inħawi tal-bajja ta’ San Tumas f’Wied il-Għajn.

Skont il-federazzjoni, dan minnu nnifsu juri li min qed iwettaq din l-attività illegali jew qed jisraq il-ħut mill-gaġeġ tat-tonn inkella qed jaqbad hut klandestinament mis-selvaġġ f’dawn l-inħawi biex ikun jista’ jikkommerċjazilhom illegalment.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Federazzjoni Dr Charlon Gouder qal li “sfortunatament jidher illi l-fenomenu tal-illegalità tal-ġbid tat-tonn, kemm jekk dan huwa riżultat ta’ xi serq ta’ ħut mill-gaġeġ tat-tonn inkella konsegwenza ta’ sajd illegali mill-ibħra tal-madwar, huwa aktar komuni minn kemm wieħed jaħseb u jidher li din is-sena huwa aktar prevalenti meta ikkomparat ma’ snin ta’qabel”.

Appella biex id-Dipartiment tas-Sajd u l-Akwakultura jieħu azzjoni kontra din l-illegalità u ma jħallix l-aġir ta’ xi persuna jew persuni irresponsabli jħamġu jew jitfgħu dell ikraħ fuq l-industrija. Żied jgħid li n-nies għandhom raġun jilmentaw meta waqt li jkunu qed jgħumu jintlemħu karkassi ta’ dan it-tip konsegwenza tal-attività illegali.