Ħaddiem f’restorant qed jinżamm arrestat taħt l-akkuża li stupra lil tifla li tiġi minnu li għandha biss seba’ snin.

Ir-raġel ta’ 52 sena mill-Belt Valletta deher quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello llum. L-Ispettur Joseph Busuttil akkuża lir-raġel li pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ minorenni, li kkorrompa tifla ta’ seba’ snin, li kellu fil-pussess tiegħu pornografija tat-tfal, li kellu x’jaqsam b’mod vjolenti u indiċenti mat-tifla ta’ kuġintu, u li hu riċediv. L-akkużi huma aggravati minħabba l-fatt li l-aggressur u l-vittma jiġu minn xulxin. Ir-raġel u t-tifla joqogħdu fl-istess blokka ta’ appartamenti.

Huwa ġie arrestat wara li l-ġenituri tat-tifla marru jagħmlu rapport l-għassa tal-Belt Valletta, filwaqt li l-counsellor tal-iskola għamlet ukoll rapport separat wara li t-tifla rrakkontatilha xi ġralha.

B’rasu baxxuta, fl-awla r-raġel sema’ lill-Ispettur jirrakkonta li r-raġel ammetta għal li għamel hu u jiġi interrogat. Il-Qorti spjegat lir-raġel li l-kastig potenzjali jista’ jkun sa massimu ta’ 20 sena ħabs.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati, imma ma talabx għall-ħelsien mill-arrest. Id-Difiża talbet lill-Prosekuzzjoni ssejjaħ lix-xhieda ma ddumx. It-tifla għandha tixhed permezz ta’ filmat live, sabiex ma tkunx preżenti fl-awla.

Il-Qorti ordnat divjet fuq isem it-tifla u l-akkużat.