Matul ir-ir-raba’ edizzjoni tal-80’s and 90’s Music Festival li ittella nhar il-Ġimgħa 21 ta’ Ġunju mill-Għaqda Mużikali San Leonardu, f’Ħal Kirkop, nġabru €2,840 f’donazzjonijiet għall-Fundazzjoni Inspire.

Matul is-snin, permezz ta’ dan il-festival, nġabru aktar minn €9,000 għal din l-istess fundazzjoni. Dan l-avviniment beda erba’ snin ilu meta l-Għaqda Mużikali San Leonardo kienet qed tikkommemora għaxar snin mit-twaqqif tas-sezzjoni taż-żgħażagħ fi ħdan l-Għaqda, li hija responsabbli li torganizza attivitajiet fl-unur tal-patrun ta’ dan ir-raħal, San Leonardo.

Ħadu sehem f’dan il-festival id-DJ’s lokali Renato Vella u Alex Reflex Grech, flimkien ma’ tribute band Ġermaniza, Modern Talking Reloaded.

AQRA: Modern Talking Reloaded għal waqt l-80s and 90s Music Festival f’Ħal Kirkop

“Aħna tassew sodisfatti bis-suċċess ta’ dan l-avveniment. M’huwiex faċli, għaliex l-ispejjeż dejjem jiżdiedu, iżda kburi ħafna li dan l-avveniment sar parti mill-kalendarju tagħna u li l-attendanza qed tkompli tikber sena wara sena. Dan ifisser li d-donazzjonijiet għall-Fundazzjoni Inspire komplew jikbru. Nisperaw li s-sena dieħla jirnexielna niġbru aktar donazzjonijiet,” qal Louis Zammit, il-President tal-Għaqda Mużikali San Leonardo.

Therese Bonnici, rappreżentanta mill-Fundazzjoni Inspire qalet, “Aħna tassew nieħdu gost nikkollaboraw ma’ dawn il-membri żgħażagħ ta’ din l-għaqda, li minkejja li huma voluntiera huma stess, isibu l-ħin li jgħinu lil ħaddieħor. Id-dedikazzjoni u l-impenn tagħhom jistħoqqilhom kull tifħir u aħna tassew grati għall-appoġġ tagħhom, biex b’hekk inkunu nistgħu nkomplu noffru servizzi lil persuni b’diżabilità.”