Il-Festival Internazzjonali tal-Arti f’Malta għadu kemm ħabbar li se jkun qed jippreżenta l-Water Concerto, organizzat flimkien maċ-Ċentru Kulturali Ċiniż f’Malta. Din hi wirja mużikali mistennija u se tkun qed issir is-Sibt 6 ta’ Lulju fid-9pm fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta.

“Il-viżjoni tagħna għall-Festival din is-sena hi li nwasslu lill-pubbliku f’pajjiżna produzzjonijiet innovattivi li jħalltu flimkien għadd ta’ dixxiplini u li jilħqu udjenzi wesgħin,” jispjega Ruben Zahra, id-Direttur Artistiku tal-Festival din is-sena.

Kif jindika l’isem, Water Concerto huwa ‘concerto’ fejn l-istrument solist u protagonist huwa l-ilma … jew aħjar; l-ilma bħala strument. Water Concerto huwa xogħol tal-kompożitur Ċiniż Tan Dun, rebbieħ fil-Grammies u l-Oscars, magħruf internazzjonalment għall-ħolqien ta’ forom artistiċi ġodda.

Il-Water Concerto hu xempju tat-tiftix ta’ Tan Dun biex joħloq mużika ġdida permezz ta’ materjali organiċi. Dan il-kunċert affaxxinanti fi tliet movimenti joħroġ il-potenzjal mużikali tal-ilma jpaxxi u jqanql l-għajn u l-widna.

Din il-produzzjoni tidħol eżatt fit-tema tal-Festival ta’ din is-sena li hi ‘l-ilma’ u li tispikka f’ħafna wirjiet oħrajn tal-Festival. Tan Dun jispjegalna t-tifsira fundamentali ta’ din it-tema: “L-ilma hu fl-istess ħin dak li jinbidel, li jintemm u li jibqa’ għal dejjem; dak li hu fiżiku u spiritwali. L-ilma hu simbolu tal-magħmudija, ta’ bidu ġdid, tal-qawmien.”

Il-Water Concerto ta’ Tan Dun se jitwassal mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta li se tagħti rwol ewlieni lill-perkussjonista Ċiniża Beibei Wang, taħt id-direzzjoni tad-direttur Ċek Pavel Šnajdr. Il-programm ta’ Water Concerto se jinkludi wkoll mużika ta’ Hindemith, Shostakovich u tal-kompożitur Malti Joseph Vella.

Mindu beda bl-ewwel edizzjoni tiegħu fl-2005, il-Festival Internazzjonali tal-Arti daħal fil-qalba tax-xena artistika Maltija. Ta’ kull sena, il-Festival juri l-aqwa talent lokali u internazzjonali fl-arti performattiva. Huwa spinta għal talent lokali li għadu jibda kif ukoll għal dak stabbilit. Jagħti lill-artisti Maltin l-okkażjoni ta’ kollaborazzjoni ma’ artisti internazzjonali, u lill-udjenzi f’pajjiżna t-tgawdija ta’ taħlita lokali u dinjija ta’ ħiliet.

Il-Water Concerto hu xempju ta’ dak li qed joffri l-Festival din is-sena. L-udjenza għandha tistenna li tisma’ mużika xejn tas-soltu u li tgawdi l-aqwa wirjiet li aħna l-Maltin f’kollaborazzjoni ma’ artisti dinjin nistgħu noffru fit-tiġdid tal-wirt artistiku u kulturali tagħna.

Water Concerto hu parti mill-Festival Internazzjonali tal-Arti f’Malta 2019, imtella’ minn Festivals Malta, u se jsir is-Sibt 6 ta’ Lulju fid-9pm fi Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta.

Biex tara l-programm sħiħ tal-Festival, tista’ tidħol fis-sit tal-MIAF.