Il-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo qal li ċ-ċekkjatur tal-ilsien Malti għadu ma ġiex implimentat għax jiswa ħafna flus, u qal li ssemmew €7 miljun, anke €9 miljun għalih. Barra minn hekk, qal li “ċekkjatur qatt mhu lest għax il-lingwa hija ħajja,” filwaqt li rappreżentant tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qal lil Newsbook.com.mt li fl-aħħar evalwazzjoni tiegħu, iċ-ċekkjatur kien “korrettissimu.”

Aqra: ​Il-Gvern se jgħin biex jinħoloq ċekkjatur għall-Malti

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt dwar iċ-ċekkjatur, li huwa spell checker għall-ortografija Maltija, il-Ministru Bartolo qal li dan hu riżorsa essenzjali fis-seklu 21, imma f’dan l-istadju, ir-raġuni għaliex għadu ma ħariġx biex jintuża mill-pubbliku hija għax jiswa ħafna flus.

Il-Ministru qal li għadu mhux lest għaliex peress li l-lingwa hija xi ħaġa ħajja li tinbidel kontinwament, qatt ma jista’ jkun lest. Bartolo qal ukoll li jekk wieħed jistaqsi lill-kumpanija li qed taħdem fuqu, din “probabbli tgħid li għadu mhux lest,” iżda qal li huwa kompla jitjieb tul l-aħħar snin li ilha ssir ħidma fuqu.

Kelliem għall-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti qal li ftit ġimgħat ilu, saret evalwazzjoni taċ-ċekkjatur u nstab li hu “korrettissimu.” Qal li dan kompla jiġi aġġornat minn meta kien ġie evalwat qabel u kienu saru xi suġġerimenti għat-titjib tiegħu. Semma wkoll li qed isiru xi tentattivi min-naħa tal-Unjoni Ewropea għal ċekkjatur tal-Malti, iżda dan jisboqhom.

Din il-kwistjoni reġgħet qamet f’April li għadda, meta l-Prim Ministru Joseph Muscat ta xi kummenti lill-midja u qal li l-Ministru Bartolo qed jistinka għaċ-ċekkjatur. Xi letturi tal-Malti tkellmu wkoll fuq il-bżonn tiegħu meta feġġ żball ortografiku fuq l-ewwel billboard li ttellgħet fil-kampanja elettorali ta’ Mejju.

Aqra: Il-PN u l-PL jibdew il-kampanja elettorali b’botta u risposta bil-billboards

Il-Ministru qal lil Newsbook.com.mt li minħabba li t-tfal huma kontinwament esposti għal lingwi oħra li għandhom ħafna riżorsi online, jeħtieġ li l-Malti jkollu dawn ir-riżorsi wkoll. Il-Ministru insista wkoll li wieħed mhux lakemm jimplimenta ċ-ċekkjatur, imma jrid ir-riżorsi biex jibqa’ jsostnih tul is-snin.

Aqra: Qbil unanimu dwar ir-riformi fl-Att Dwar l-Ilsien Malti

Aqra: L-għaqdiet ewlenin tal-Malti jaqblu mal-emendi dwar il-Liġi tal-Malti

Aqra: ​Botta u risposta dwar ‘indħil politiku’ fi proposti għall-Kunsill tal-Malti

Filmat: Miguela Xuereb