L-investiment barrani fir-Renju Unit naqas drastikament fl-aħħar sentejn. Skont
ċifri ppubblikati fl-aħħar jiem mid-Dipartiment tal-Kummerċ Internazzjonali
juru li l-investiment fir-Renju Unit naqas b’14% bl-2018-2019. Dan wassal għal
tnaqqis ta’ 24% fil-postijiet tax-xogħol maħluqa.

Fis-sena finanzjarja ta’ qabel, l-investiment barrani kien rifless f’kważi 76,000 impjieg ġdid, numru li niżel għal 57,600, l-inqas livell fl-aħħar seba’ snin. It-tnaqqis tal-investiment min-
naħa ta’ kumpaniji li diġà kellhom preżenza fil-pajjiż kien saħansitra akbar.

Minkejja dan, ir-Renju Unit jibqa’ l-aktar pajjiż b’invesitment barrani fl-Ewropa u l-aktar pajjiż fid-dinja li attire investiment Amerikan. Minkejja dan, ir-Renju Unit qed jaffaċċja kompetizzjoni qawwija minn pajjiżi bħall-Irlanda u Franza u li qed jirreġistraw żidiet kontinwi fl-investiment barrani.

Dawn iċ-ċifri huma riflessi wkoll fit-tagħrif dwar l-investiment minn kumpaniji Ingliżi wkoll, b’ħafna minnhom jipposponu d-deċiżjonijiet tagħhom minħabba Brexit.

Għall-kuntrarju kien hem żieda ta’ 8% fin-numru ta’ kumpaniji Ingliżi mixtrija minn dawk barranin. Dan jista’ jkun spjegat għall-fatt li l-valur tal-lira Sterlina naqas u sar irħas għal kumpaniji barranin biex jixtru fir-Renju Unit. Barra minn hekk, bosta ditti internazzjonali huma kwotati fuq il-Borża ta’ Londra u allura bosta akkwisti u mergers isiru fir-Renju Unit, minkejja li l-kumpaniji ma jkunux Ingliżi.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.