Il-manifattur tal-karozzi Ford ħabbar li se jkun qed jittermina l-impjieg ta’ aktar minn 12,000 persuna sal-aħħar tas-sena d-dieħla. Dan bħala parti minn pjan ta’ ristrutturar u tnaqqis tal-ispejjeż fin-negozju Ewropew, li qed iġarrab telf ta’ flus.

Ford se tagħlaq ħames impjanti kompletament, inkluż l-impjant tal-magni f’Bridgend, f’Wales, u se tbiegħ impjant ieħor. Ford tħaddem mal-51,000 persuna fl-Ewropa, qed tittama li l-parti l-kbira ta’ dawn il-persuni jitilqu b’mod volontarju. Is-settur tal-karozzi għaddej minn sfidi
kbar minħabba tnaqqis fid-domanda u investimenti kbar li qed isiru fil-bidla lejn il-vetturi elettriċi.

Il-kumpanija qalet li hija għafsa ta’ qalb għaliha li tħalli persuni bla impjieg iżda din id-deċiżjoni kellha tittieħed biex il-kumpanija jkollha futur. Il-kumpanija qed tistma li tiffranka madwar nofs biljun ewro b’dan ir-ristrutturar, li jista’ jippermettilha terġa’ lura fit-triq tal-kompetittività.

L-aktar pajjiż li se jintlaqat mistenni jkun il-Ġermanja, fejn jidher li se jintilfu kważi nofs tal-persuni li se jkollhom iħallu xogħlhom. Il-kumpanija rrifjutat li twaħħal fi Brexit għall-problemi tagħha, iżda ammettiet li jekk ma jintlaħaqx ftehim, dak li qed jissejjaħ No Deal, is-sitwazzjoni żgur li se tmur għall-agħar.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.