Il-piloti tal-Air Malta se jibdew l-azzjoni industrijali tagħhom minn nofsillejl. Dan ifisser li t-titjiriet kollha jibdew jitilqu nofs siegħa tard. Il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li l-Gvern mhu se “jaċċetta l-ebda rikatti mingħand ħadd.”

Fi stqarrija, l-Air Malta qalet li l-Unjin tal-Piloti (ALPA) ordnat li l-azzjoni industrijali tibda minn għada fl-aktar perjodu bieżel tal-kumpanija.

Fuq Facebook, Konrad Mizzi qal li l-Gvern huwa kommess li jinvesti fl-Air Malta u fi flotta ġdida biex il-linja tal-ajru nazzjonali tibqa’ tikber.

Qal li fi żmien Gvern Nazzjonalista l-Air Malta kienet tat skema ta’ rtirar kmieni lill-piloti biex ikunu jistgħu jirtiraw ta’ 55 sena u jieħdu pakkett ta’ kważi €700,000 kull wieħed. “Issa l-Unjin tal-Piloti qed tippretendi li l-Gvern jagħti garanzija li dawn il-flus joħduhom jiġri x’jiġri mill-Air Malta,” qal Mizzi.

Żied jgħid li jekk il-piloti jridu li jkollhom garanzija għall-futur iridu jaħdmu flimkien mal-amministrazzjoni u mat-tim kollu f’direzzjoni waħda ‘il quddiem li twassal lill-kumpanija biex tikber u tirnexxi.

Fl-istqarrija tagħha maħruġa llejla, l-Air Malta qalet li minn meta ġie ffirmat il-ftehim kollettiv is-sena li għaddiet, l-Air Malta kellha diskussjonijiet twal mal-ALPA dwar l-interpretazzjonijiet ta’ dan il-ftehim u kwistjonijiet oħra. L-Air Malta qalet li hi ppruvat issib soluzzjonijiet għal kull kwistjoni li tqajmet. Però qalet li l-ALPA kontinwament turi rieda ħażina.

Aktar kmieni…

It-tensjoni bejn l-Unjoni tal-bdoti tal-Airmalta u l-Gvern eskalat hekk kif l-bodti vvutaw b’mod sigriet favur azzjonijiet industrijali jekk jibqa’ ma jintleħaqx qbil dwar il-ftehim kollettiv il-ġdid.

Il-bdoti għandhom numru ta’ kwistjoni pendenti qabel ma jiġi maqbul ftehim kollettiv ġdid bejn iż-żewġ naħat, li jinkludu skedi ta’ xogħol, nuqqas ta’ bdoti waqt li l-iskeda tal-AirMalta tiżdied matul is-sajf u l-leave.

Jidher li t-tensjoni bejn iż-żewġ naħat żdiedet fl-aħħar ġimgħat mindu l-kumpanija Ryanair bl-appoġġ tal-Gvern Malti ħabbret it-twaqqif f’Malta tal-kumpanija MaltaAir li topera minn Malta f’sitt arjuplani. Il-bdoti jinterpretaw l-appoġġ tal-Gvern f’din l-inizjattiva’ ta’ Ryanair bħal affront fil-konfront tagħhom u jippreġudika l-viabilita’ tal-Airmalta u l-programm ta’ strutturar tal-Gvern għal-linja nazzjonali tal-arju.

F’dan il-kuntest, l-unjoni tal-bdoti, l-ALPA qed titlob garanziji mill-Gvern dwar skemi tal-irtirar li jiggarantixxu li l-bdoti jieħdu qrib €700,000 fl-etá ta’ 55 sena.