L-HSBC ħabbar numru ta’ ħatriet għolja fil-maniġment li jappoġġjaw it-twettiq tal-fażi li jmiss fl-istrateġija tal-bank.

Wara l-ħatra ta’ Michel Cordina bħala Direttur Eżekuttiv u Kap tal-Iżvilupp tan-Negozju aktar kmieni din is-sena, Joyce Grech se tieħu l-kariga li kellu qabel bħala l-Kap tal-Kummerċ Bankarju, filwaqt li Gerard Walsh inħatar, suġġett għall-approvazzjoni regolatorja, bħala l-Uffiċjal Kap tar-Riskju l-ġdid tal-bank.

Andrew Beane, il-Kap Eżekuttiv, qal: “Bil-ħatriet ta’ Michel, Joyce u Gerard aħna qed nindikaw biċ-ċar li wara li lestejna l-programm tagħna tal-immaniġġjar tar-riskju b’suċċess, l-HSBC issa qed jiffoka aktar fuq it-tkabbir. Jiena kburi ukoll li, f’konformità mal-impenn tagħna bbażat fuq il-mertu tad-diversità u l-inklużjoni, tnejn mit-tliet diviżjonijiet tan-negozju tal-HSBC huma mmexxija minn eżekuttivi nisa b’talent.”

Michel beda l-karriera bankarja tiegħu ma’ Mid-Med Bank Limited fl-1981 u ssieħeb mal-HSBC fl-1999. Ħadem f’diversi oqsma tal-bank kemm fil-qasam tal-banking personali kif ukoll f’dak tal-banking kummerċjali. Mexxa għadd ta’ funzjonijiet operattivi u ta’ appoġġ tal-bank. Michel kellu diversi rwoli eżekuttivi fi ħdan l-HSBC Malta, inklużi Viċi Kap tal-Operazzjonijiet, u Kap tat-Trasformazzjoni tan-Negozju. Kien ukoll il-Maniger tal-Programm responsabbli biex iġib f’Malta ċ-Ċentru ta’ Kuntatt tal-HSBC UK. Fl-2010, Michel kien ukoll issekondat mal-HSBC Commercial Banking f’Londra fejn kellu r-rwol ta’ Kap tal-Prestazzjoni tal-Bejgħ.

Michel se jaħdem biex jiżviluppa n-negozju tal-bank mal-klijenti ewlenin u l-partijiet interessati esterni tiegħu billi jiffoka fuq ritorn bilanċjat għat-tkabbir. L-iffaċilitar tat-tkabbir fin-negozju korporattiv għall-HSBC se tkun priorità partikolari. Michel qal: “Onorat u pprivileġġjat li nħtart Direttur tal-Bord tal-bank u qed inħares ‘il quddiem biex nieħu dan ir-rwol eżekuttiv ġdid fl-assoċjazzjoni tiegħi ta’ aktar minn 37 sena mal-bank. Inħossni xxurtjat li jien parti mill-Grupp HSBC. Nistenna bil-ħerqa li nsaħħaħ in-negozju tagħna f’Malta, kif ukoll li nsib opportunitajiet għall-klijenti tagħna ħalli jkunu jistgħu jirnexxu u b’hekk jappoġġjaw it-tkabbir tal-ekonomija Maltija.”

Maħtura Uffiċjal Kap tar-Riskju f’April 2013, Joyce ilha taħdem mal-HSBC għal dawn l-aħħar 22 sena. Matul il-karriera tagħha, kellha għadd ta’ rwoli u responsabbiltajiet, l-aktar f’Malta. Joyce bdiet il-karriera tagħha fit-Trade Finance u l-Kummerċ Bankarju qabel ma marret fid-dipartiment tal-Kreditu tal-bank fejn għamlet aktar minn ħames snin, li l-aħħar tlieta minnhom kienu fir-rwol ta’ Viċi Kap tal-Kreditu. Qabel ma daħlet fl-aktar rwol riċenti tagħha bħala Uffiċjal Kap tar-Riskju, hi ħadmet fit-taqsima tar-Retail Banking and Wealth Management  fejn mexxiet d-dipartiment tal-Customer Value Management.

Fil-kapaċità l-ġdida tagħha, Joyce se tmexxi n-negozju tal-Banking Kummerċjali biex twassal prodotti u servizzi lill-klijenti kummerċjali differenti tal-bank, billi tappoġġjahom lokalment u internazzjonalment. Joyce qalet: “Kuntenta ħafna b’din l-opportunità li nappoġġja lill-klijenti tagħna li joperaw fis-settur tan-negozju b’mod dirett, u ngħinhom jiksbu l-aspirazzjonijiet tagħhom. L-intenzjoni tiegħi hi li naħdem iktar mill-qrib mal-klijenti tagħna, filwaqt li nagħmel użu mir-riżorsi tagħna b’mod li jgħinuna nifhmu aħjar il-ħtiġijiet tagħhom, billi nużaw il-firxa u l-kapaċitajiet internazzjonali tal-Grupp HSBC, u nwasslulhom prodotti u servizzi skont il-ħtiġijiet tagħhom.”

Oriġinarjament, Gerard hu mill-Afrika t’Isfel u serva bħala l-Uffiċjal Kap tar-Riskju għall-HSBC Mauritius. Fl-2018, issieħeb mal-HSBC f’Malta bħala l-Kap tal-Governanza tar-Riskju u s-Servizzi ta’ Self. Gerard ilu mal-HSBC sa minn Jannar tal-2007 u matul il-kariga tiegħu bħala Uffiċjal Kap tar-Riskju fl-uffiċċju ta’ Mauritius, kopra kemm l-operazzjonijiet domestiċi kif ukoll dawk offshore. Gerard hu kkwalifikat bħala speċjalista kontra l-ħasil ​​tal-flus. Gerard ser jibni fuq il-prattiċi b’saħħithom tal-immaniġġjar tar-riskju li hemm diġà fis-seħħ, u ser jiżgura li t-tkabbir jinkiseb b’mod sigur u sostenibbli.

Gerard qal: “Kuntent li ser ningħaqad mat-Tim Eżekuttiv ta’ Tmexxija tal-Bank u nistenna bil-ħerqa li naħdem man-negozji tar-retail u oħrajn kummerċjali biex jitkattar it-tkabbir. Irrid  nappoġġja lill-kumpaniji u individwi Maltin sabiex jilħqu l-aspirazzjonijiet tagħhom.”