Għażiż Żagħżugħ Malti Bħali,

Qiegħed niktiblek din l-ittra sabiex ngħinek tintebaħ fuq dak li qiegħed jiġri madwarek.

Sfortunatament ħabib Malti tiegħi, int espost għan-nassa tal-partiġġjaniżmu.

Kemm-il darba smajt lill-ġenituri tiegħek, lin-nanniet tiegħek jew liz-zijiet tiegħek jargumentaw ma’ ħaddiehor fuq kif il-kap tagħhom ħlief ġid ma ġabx f’pajjiżna u kif, Alla jbierek, ħsara ma għamel qatt.

Tarahom jidħadtu, taħsbek qiegħed fost l-udjenza waqt xi battalja ħarxa bejn żewġ gladjaturi. “Ħlief ġid ma ġabilniex il-kap tagħna! X’qatt għamel ħażin?”, jibda jitbaqbaq l-ewwel gladjatur. “Tagħna fi żmienu ġab aktar ġid f’dawn il-gżejjer milli qed iġib tagħkom! Tagħna perfett – kien, għadu u jibqa’!”, iwieġeb b’sens ta’ frustrazzjoni t-tieni gladjatur.

Insomma, dik hi l-politika hawn Malta. Ġlieda kontinwa bejn gladjatur aħmar u ieħor blu.

Fl-isfond ta’ dan kollu hemm l-ispettaturi. Hemm minnhom ikunu qegħdin jgħajtu u jwerżqu, iżommu ma’ wieħed mill-gladjaturi. Imbagħad hemm oħrajn li jixtiequ juru lil ħaddiehor li din il-battalja għandha titwaqqaf. U jien hekk nixtieq nagħmel.

Hawn taħt ktibtlek xi pariri li għandi għalik ħabib tiegħi:

  1. Ħa nibda billi nfakkrek din: l-ebda politiku ma huwa “perfett” għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, il-politiċi huma umani, bħali u bħalek. Għamel kemm għamel ġid, żbalji għamel ukoll, u dawn iridu jiġu kkunsidrati.
  2. Jekk inti persuna patrijotta u temmen li Malta tagħna jixraqilha kull tip ta’ ġid possibli, ħa nagħtik parir ħabib: tirrifjutax il-ħbiberiji għas-sempliċi raġuni li dak li jkun m’għandux l-istess ideoloġija politika bħal tiegħek. Anzi, ħudu l-opportunità biex tiddiskutu dak li temmnu fih sabiex tgħinu lil xulxin taħsbu b’mod aktar kostruttiv fuq dak kollu li għandu x’jaqsam mas-sitwazzjoni soċjopolitika ta’ pajjiżna. M’għandniex bżonn aktar firda f’dil-blata daqs tikka.
  3. Għandek id-dritt li tivvota f’kull elezzjoni u f’kull referendum li jsir ġewwa pajjiżna. Ladarba għandek din ir-responsabilità hekk kbira, nirrekomandalek li tużaha sew. Tivvotax għall-partit u/jew politiku sempliċiment għax huma l-istess partit u/jew politiku li ħa jivvutawlu l-ġenituri tiegħek. Ivvota għal min taħseb li ħa jitfa’ l-ewwel u qabel kollox il-ġid komuni ta’ Malta tagħna u mhux l-interessi personali tiegħu.
  4. Informa ruħek. Tkunx għażżien u tgħidx, “Jiena x’jimpurtani min jitla’? Taf tagħmilli differenza.” Taf tiġi bħala sorpriża għalik dan li ħa ngħidlek però iva, tagħmillek differenza. Allavolja int persuna waħda fost eluf ta’ persuni oħrajn, għandek il-poter li tagħżel min ħa jmexxi lil pajjiżek. Dan bħal Malta stess. Blata żgħira fost ħafna blat akbar li, minkejja d-daqs tagħha, kienet u għadha, b’mod prominenti, preżenti fl-istorja internazzjonali. Ċittadini f’pajjiżi oħra joħolmu biss biha din l-opportunità. Kun għaref u użaha sew.
  5. M’hemm assolutament xejn ħażin imbilli tassoċja ruħek ma’ partit. Anzi, dan juri li inti nteressat li ssemma’ leħnek fit-tmexxija ta’ pajjiżek. Iżda dan trid tagħmlu b’għerf sħiħ tal-prinċipji, valuri u twemmin tiegħek u tal-Partit. Trid tiftakar ukoll li ladarba dħalt fl-isfera politika diffiċli toħroġ minnha. Għalhekk huwa kruċjali li tevalwa sewwa din l-għażla li ħa tagħmel u li d-deċiżjoni finali tkun kompatibbli mal-ideoloġija politika tiegħek u li sservi l-ġid komuni ta’ kull Malti u Għawdxi.
  6. Jekk biħsiebek toħroġ għall-politika bis-serjetà sinjal li trid tara bidla f’pajjiżna. Is-suġġeriment tiegħi huwa dan: kun miftuħ għad-diskussjoni ma’ nies minn kamp politiku ieħor. Iżżommx ruħek ristrett għall-proposti u suġġerimenti li jgħaddi l-partit tiegħek biss. Kun lest li taħdem ma’ kulħadd, anke jekk din ma tantx taraha llum il-ġurnata.
  7. L-iskola nkoraġġixxi diskussjonijiet politiċi li huma maturi u kkontrollati. Ovjament, mhux qiegħed ngħidlek biex taħli l-ħin mil-lezzjonijiet biex tagħmlu dan. Iżda jekk jiġi d-diskors, tiddejjaqx tkompli mal-konversazzjoni għaliex huma affarijiet żgħar bħal dawn li tista’ titgħallem minnhom.

Filwaqt li nirrangrazzjak talli qrajt l-ittra li ktibtlek, nixtieqlek futur sabiħ fejn fih tkompli tikber, titgħallem u tiżviluppa lilek innifsek għall-ġid tiegħek u ta’ pajjiżek.

Inti l-unika tama li pajjiżna għandu sabiex din in-neċessità li tkun aħmar jew blu tinqata’.

Għandna nkunu aħna li nidħlu f’dik l-arena u ngħinu liż-żewġ gladjaturi jsiru ħbieb.

Kun katalist tal-bidla. Kun ċittadin attiv. Eqred il-firda.

Dejjem tiegħek,

Żagħżugħ Malti Bħalek

Malta, 1966 1987 1996 2013 2019

Bradley Cachia