FLA.CO.MEN, wirja ta’ żfin flamenco minn Israel Galván, dalwaqt se tittella’ f’Malta f’serata waħda biss bħala parti mill-Festival Internazzjonali tal-Arti 2019.

Israel Galván hu meqjus madwar id-dinja bħala ġenju fil-ġenerazzjoni tiegħu ta’ żeffiena. L-artist tal-flamenco u taż-żfin Spanjol hu magħruf għall-użu mirqum ħafna u mgħaġġel tas-saqajn. Fi FLA.CO.MEN, Galván jirnexxilu jġedded l-arti tal-flamenco b’laqta avangardista li tagħti ruħ ġdida liż-żifna u tagħmilha aktar surreali, drammatika u misterjuża.

“Il-flamenco mhuwiex biss żifna; huwa wkoll attitudni, enerġija. Juri karattru, biex ngħidu hekk,” jispjega Israel Galván, “Il-flamenco hu versatili ħafna, fis-sens li hu żifna ħielsa u miftuħa għal interpretazzjonijiet differenti li kull żeffien u l-pubbliku jista’ jixtieq. Permezz ta’ FLA.CO.MEN, noqrob saħansitra aktar lejn il-pubbliku, u b’hekk inħares f’għajnejn l-udjenza, u nagħmel minn din il-qrubija parti mill-ispettaklu. Din il-wirja hi vjaġġ ta’ emozzjonijiet u, kif jixhed isimha, iġġedded il-flamenco billi tibni mill-ġdid l-elementi li jsawru din iż-żifna, waqt li xorta tibqa’ deċiżament flamenco. Din hi r-raġuni għaliex bdilt l-ordni tas-sillabi u sejjaħt din il-wirja FLA.CO.MEN.”

Bħala artist apprezzat ferm f’pajjiżu u rebbieħ ta’ ħafna premjijiet – fosthom il-Midalja għall-Belle Arti fl-2012, l-aktar premju prestiġjuż fil-qasam tal-arti fi Spanja – Galván hu meqjus bħala wieħed mill-aktar artisti innovattivi fid-dinja kontemporanja tal-flamenco. Wieħed mill-kritiċi tad-Daily Express fir-Renju Unit, Neil Norman, jenfasizza: “Li ssejjaħ lil Galván żeffien brillanti qisek qed tgħid li Einstein kien mhux ħażin fil-fiżika. Qatt ma rajt lil xi ħadd li joqrob b’xi mod lejn il-ħila ta’ Galván”.

Ma’ Israel Galván fuq il-palk fil-produzzjoni ta’ FLA.CO.MEN f’Malta se jingħaqad grupp żgħir ta’ mużiċisti u kantanti ta’ talent li se jkunu qed jinteraġixxu miegħu u jakkumpanjawh fil-koreografija unika tiegħu ta’ flamenco u aktar, li Galván se jkun qed joffri lill-pubbliku fuq il-palk prinċipali tal-Festival fil-Belt il-Ħadd 7 ta’ Lulju fid-9pm.

L-14-il edizzjoni tal-Festival Internazzjonali tal-Arti hi mtellgħa minn Festivals Malta, bdiet fit-28 ta’ Ġunju u tibqa’ għaddejja sal-Ħadd 14 ta’ Lulju. Matulu kollu, il-Festival hu vetrina mimlija b’taħlita sabiħa ta’ talent lokali u internazzjonali f’għażla unika ta’ postijiet fejn se jsiru l-produzzjonijiet, biex tkun ċelebrazzjoni xierqa madwar il-pajjiż kollu ta’ arti innovattiva li ġġedded il-wirt li ngawdu f’pajjiżna.

FLA.CO.MEN ta’ Israel Galván se ssir darba biss fil-Festival, il-Ħadd 7 ta’ Lulju fid-9.00 pm fuq il-palk prinċipali fi Triq il-Lanċa (Il-Fossa), il-Belt Valletta. Aktar tagħrif dwar il-biljetti u dwar il-bqija tal-programm fil-Festival Internazzjonali tal-Arti 2019 tista’ ssibu fis-sit www.festivals.mt/miaf