AŻS (Atturi Żgħażagħ Slimiżi) huwa grupp teatrali ġdid li jaf l-għeruq tiegħu ġewwa Tas- Sliema. Il-persuni warajh, ħafna minnhom żgħażagħ li wħud minnhom ġejjin mill-kamp teatrali, f’dawn l-aħħar snin ħadu sehem f’produzzjonijiet ġewwa Tas-Sliema stess u issa ħadu l-inizjattiva li jagħqdu t-talenti tagħhom u jiffurmaw dan il-grupp għall-gid tal-komunità Slimiża.

Dan il-grupp ġie mwaqqaf bil-ħsieb li jgħaqqad kemm jista’ jkun żgħażagħ u jagħti nifs ġdid lil dan il-lokal. Għalkemm hemm it-tendenza li Tas-Sliema hija magħrufa għall-maġġoranza ta’ residenti anzjani u barranin, dawn iż-żgħażagħ jixtiequ juru li fil-komunità Slimiża xorta għad fadal żgħażagħ li huma lesti li jagħtu mill-ħin u l-enerġija tagħhom biex jagħtu ġieħ lil Tas-Sliema li tant iħobbu. Apparti dan il-grupp, dawn iż-żgħażagħ huma individwalment impenjati fi gruppi u għaqdiet oħra li jagħtu servizzi f’Tas-Sliema, bħall-parroċċi bħala abbatini u atturi fi produzzjonijiet li jittellgħu fl-istess parroċċi, fil-festi, fosthom fl-armar, ġewwa  l-Villa Schinas, fejn nistgħu ngħidu li kienu huma li reġgħu taw nifs ġdid lil din id-dar tal-Azzjoni Kattolika ġol-qalba ta’ Tas-Sliema wara żmien twil ta assenza żagħżugħa, kif ukoll ġewwa l-Oratorju u t-Teatru Salesjan li jinsab ġo l-istess lokalità.

AŻS qed jagħmlu sejħa biex aktar addolexxenti u żgħażagħ, primarjament Slimiżi, jingħaqdu mal-grupp biex jittellgħu produzzjonijiet ta’ kwalita għall-ġid u r-rikreazzjoni tal-komunità. Ha nagħmlu l-almu tagħna biex inħallu l-frott, speċjalment meta wieħed jikkunsidra li Tas-Sliema kienet il-benniena tat-teatru Malti u li minnha ħarġu atturi magħrufa.

Għal aktar informazzjoni żuru l-paġna Facebook Atturi Żgħażagħ Slimiżi.