S’issa Lulju kien inqas sħun minn Ġunju, peress li Ġunju ra mewġa ta’ sħana wara oħra, iżda jidher li Lulju mhux se jibqa’ daqshekk mans, peress li mistennija mewġa ta’ sħana oħra għall-għaxart ijiem li ġejjin, b’temperaturi li jinħassu sa 42°C.

Is-sit Maltese Islands Weather spjega li l-antiċikluni se jkomplu jiġbdu ‘l fuq arja sħuna ħafna mill-Afrika ta’ fuq. Dan ifisser temperaturi ogħla mill-medja persistenti għall-biċċa l-kbira tal-Punent u ċ-Ċentru tal-Mediterran.

Aqra: ‘Ġej l-Infern’ – L-ikbar mewġa ta’ sħana mill-2003

Din il-mewġa bdiet illum b’temperaturi ta’ aktar minn 33°C li se jinħassu sa 42°C u se jdumu għal madwar għaxart ijiem. L-Uffiċċju Meteoroloġiku ħareġ twissija li t-temperaturi se jkunu bejn 34°C u 36°C għall-erbat ijiem li ġejjin. It-temperaturi billejl se jkunu minn 24°C sa 26°C, u għandhom jinħassu ferm aktar sħan u jwaħħlu minħabba livelli għoljin ta’ umdità. Ir-riħ se jkun il-biċċa l-kbira ħafif u mill-Punent. It-temperatura tal-baħar se titla’ malajr ħafna tul dan il-perjodu ta’ sħana u għandha tilħaq 27°C jew anke 28°C sa nofs Lulju.

It-temperatura tal-baħar tidher li qed tevolvi eżatt bħal fis-sajf tal-2017, meta kienet laħqet livelli rekord ta’ 30°C sa tmiem Awwissu. Lulju mistenni jkun wieħed mill-aktar sħan fl-aħħar snin.