Il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dr John Cachia tenna l-appell tiegħu lill-awtoritajiet sabiex jimplementaw servizz nazzjonali li jwieġeb għal emerġenzi psikjatriċi.

Fi stqarrija, il-Kummissarju qal li dan is-servizz hemm bżonn li jipprovdi r-riżorsi kollha neċessarji filwaqt li juża’ l-aqwa prattiċi fl-operat tiegħu. Kompla jgħid li għandu jirrispondi għal emerġenzi sabiex jassisti persuni u familji fil-bżonn, inaqqas ammissjonijiet mhux neċessarji fi sptarijiet psikjatriċi u li jassisti lill-istess persuni fi djarhom u l-komunitajiet tagħhom.

“It-TMS għadu mhux approvat li jnaqqas is-suwiċidju”

Dr Cachia tkellem ukoll dwar it-Transcranial Magnetic Stimulation (TMS) u saħaq li sa fejn jaf hu bħalissa dan il-metodu mhux approvat minn aġenziji ewlenin tas-saħħa sabiex jintuża biex jitnaqqsu l-ħsibijiet ta’ suwiċidju.

It-TMS huwa trattament li juża’ kalamiti biex iqajjem partijiet tal-moħħ, b’mod speċifiku n-nervituri. Il-Kummissarju sostna li aġenziji bħall-Food and Drug Administration (FDA) fl-Istati Uniti, L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina (EMA) u l-Institute for Health and Care Excellence (NICE) fl-Istati Uniti ma approvawhx. Spjega li trattament ibbażat fuq evidenza għandu bżonn analiżi xjentifika tal-effiċjenza u s-sigurtà tat-trattament.

Hu kompla jgħid li skont informazzjoni xjentifika ta’ min joqgħod fuqha, it-TMS jidher li huwa approvat biss għall-użu fit-trattament ta’ dipressjoni severa. Dan jiġifieri meta pazjent ma jkun irrisponda għall-ebda tip ta’ mediċina jew trattament ieħor.

“Inaqqaslek il-ħsibijiet tas-suwiċidju f’ġurnata” – psikjatra

Intant, Dr Mark Xuereb qal ma’ Newsbook.com.mt li skont riċerka li għamel hu, it-TMS huwa trattament akut u fi ftit minuti biss jista’ jnaqqas il-ħsibijiet tas-suwiċidju. Qal li skont ir-riċerka tiegħu, din ġrat f’56% tal-każijiet li studja. Spjega li sessjoni tat-tip tieħu ftit inqas minn nofs siegħa.