Charlotta de Miranda

Il-gran final ta’ din is-sena fil-Festival Internazzjonali tal-Arti se jkun kunċert taħt l-ilma li jżommlok in-nifs, figurattivament għall-udjenza, u litteralment għall-kantanti u l-mużiċisti tiegħu.

Dan il-kunċert eċċezzjonali hu produzzjoni Daniża u diġà saħħar udjenzi madwar id-dinja. Issa se jkun xempju tal-Festival li din is-sena hu mimli wirjiet innovattivi bit-tema tal-ilma’.

Il-kunċert AquaSonic jippreżenta ħames mużiċisti u kantanti mħarrġin apposta li se jtellgħu – billi jinżlu taħt l-ilma – rappreżentazzjoni affaxxinanti f’tankijiet tal-ħġieġ, kompletament fl-ilma. Din il-wirja unika hi l-frott ta’ snin sħaħ ta’ riċerka mill-kumpanija Daniża Between Music dwar il-ħafna possibiltajiet ta’ kunċerti minn taħt l-ilma.

Charlotta de Miranda

“AquaSonic hu r-riżultat tat-tfittxija għal tweġibiet kumplessi permezz ta’ mistoqsijiet sempliċi,” jispjega l-produttur ta’ Between Music, Sigrid Aakvik. “Fl-2004, staqsejt lili nnifsi l-mistoqsija, ‘Nistgħu nkantaw ġol-ilma, taħt l-ilma?’ Din il-mistoqsija imbarkatna vuq vjaġġ twil u kumpless ħafna tul aktar minn għaxar snin – vjaġġ li sfida t-tradizzjoni ta’ aktar minn 200,000 sena tal-bniedem li s’issa dejjem kien wassal il-mużika permezz biss tal-arja.”

Tul dan il-vjaġġ ta’ aktar minn deċennju biex iwasslu din il-produzzjoni fuq il-palk dinji, il-mużiċisti ppreparaw ruħhom permezz ta’ sigħat twal ta’ taħriġ huma u jipperfezzjonaw it-teknika vokali partikolari ħafna tal-kant taħt l-ilma. Huma ħadmu wkoll flimkien ma’ esperti f’għadd ta’ oqsma differenti li fosthom kien hemm għaddasa u għalliema tal-yoga, biex jgħinuhom iżommu n-nifs għal ħinijiet twal, kif ukoll esperti tal-akustika u produtturi tal-istrumenti mużikali li ddisinjaw u pproduċew strumenti speċjalizzati apposta għal taħt l-ilma.

AquaSonic issa ilu sew igawdi t-tifħir tal-kritiċi wara ħafna wirjiet madwar id-dinja. It-Time Magazine jiddeskrivi dan il-kunċert bħala ‘seħer spettakolari’, waqt li l-Huffington Post isejjaħlu “ġmiel ta’ ħoss qisu minn dinja oħra, imwassal b’mod mill-isbaħ.”

Hu u jżomm mat-tema tal-ilma’ li ffriska tista’ tgħid kull rappreżentazzjoni tal-Festival innovattiv ta’ din is-sena, AquaSonic issa se jżid lil Malta fil-lista ta’ postijiet fejn ittella’. Jerġa’, Malta hi post uniku, kif jispjega Sigrid Aakvik, għax f’Malta l-kumpanija Daniża se tkun qed tieħu – u tagħti – ċerti esperjenzi għall-ewwel darba.

Charlotta de Miranda

“Ħerqanin ħafna biex nagħmlu din l-esperjenza. Is-soltu nippreżentaw il-wirja tagħna xi mkien ġewwa; għalhekk f’Malta se jkollna opportunità fantastika li nippreżentaw il-wirja tagħna barra, f’post ferm xieraq għal din il-produzzjoni, qrib il-baħar. Jerġa’, din se tkun l-ewwel darba li se ntellgħu AquaSonic fi gżira. Konvinti li se tkun esperjenza spettakolari, u nħossuna umli ħafna li se nkunu parti mill-gran final tal-Festival Internazzjonali tal-Arti f’Malta.”

Dan il-kunċert żgur se jkun għeluq xieraq għal Festival li kull sena juri l-aqwa talent Malti u dinji u li din is-sena kellu l-mira li jilħaq udjenzi ġodda f’lokalitajiet differenti b’wirjiet innovattivi.

AquaSonic se jittella’ minn Between Music nhar is-Sibt 13 ta’ Lulju fid-9pm fuq il-palk prinċipali fi Triq il-Lanċa (Il-Fossa), il-Belt Valletta. Għal aktar dettalji dwar il-Festival Internazzjonali tal-Arti f’Malta, żur is-sit www.festivals.mt/miaf.