Samsung Electronics, l-ikbar kumpanija internazzjonali li timmanifattura l-mobiles, ħabbret li l-profitti bejn April u Ġunju ta’ din is-sena naqsu bi ftit iktar minn nofs meta kkomparat mal-istess żmien tas-sena li għaddiet.  Samsung attribwiet dan it-tnaqqis għad-djgħufija fil-prezz u fid-domanda għall-memory chips li huma komponent importanti fl-immanifatturar tal-mobajls.

Fit-tieni kwart tas-sena 2019 il-profitt operattiv ta’ Samsung laħaq il-valur ta $ 5.5 biljun dollaru, u rreġistra tnaqqis ta’ 56 fil-mija fuq l-istess perjodu tnax-il xahar qabel. Minkejja dan, esperti fil-qasam tat-telekomunikazzjoni qalu li r-riżultati kienu xi ftit aħjar minn dak mistenni mis-suq f’dan is-settur.

Samsung kellhom dħul konsiderevoli minn ftehim li għamlu mal-Apple, il-produtturi tal-Iphone, liema dħul ċaqlaq il-bilanċ b’mod iktar favorevoli għal Samsung. L-istess esperti sostnew li jekk jitnaqqas dan id-dħul, li qed jitqies bħala ‘ta’ darba’, ir-riżultati fil-bejgħ tal-ismartphones minn Samsung kien negattiv iktar milli mistenni. Madanakollu, din in-negattività mistennija tittaffa xi ftit u twassal għal riżultati aktar posittivi sal-aħħar tas-sena.

L-Indja bi pjan ta’ investiment ta’ $330 biljun fl-enerġija rinnovabbli

Matul din il-Ġimgħa l-Indja ħabbret li sabiex tilħaq il-miri tagħha fl-enerġija rinnovabbli sal-2030 għandha bżonn mat-$330 biljun f’investimenti fl-10 snin li ġejjin, mingħajr ma’ tħalli impatt negattiv fuq l-industrija tal-faħam li tant hija ċentrali għall-ekonomija tal-pajjiż.

L-Indja għandha pjanijiet li żżid il-kapaċità tal-ġenerazzjoni elettrika mill-enerġija rinnovabbli għall-500 Gigawatts, jew 40 fil-mija tat-total ta’ enerġija prodotta fil-pajjiż sal-2030. Fil-mument il-peċentwali ta’ enerġija nadifa prodotta tlaħħaq it-22 fil-mija mit-total ta’ enerġija maħluqa fil-pajjiż. L-Indja qed tħares lejn l-enerġija solari bħala alternattiva importanti, hekk kif huwa stmat li bħala pajjiż tirċievi enerġija mix-xemx madwar id-doppju ta’ dak li jirċievu l-pajjiżi ewropej.

Madanakollu, dan il-pjan irid ikun maħdum b’għaqal sabiex ma’ jagħmilx ħsara lis-settur tal-faħam li huwa kontributur kbir għall-ekomomija tal-pajjiż. Tant li esperti ekonomiċi wissew li ċaqlieq goff f’dan il-qasam jaf ikollu riperkussjonijiet serji fuq is-settur bankarju u l-istabbiltà tat-tqassim tal-elettriku.

L-Indja hija l-akbar pajjiż li jipproduċi l-faħam u l-emissjonijiet ta’ gass serra u mistenni li jibqa’ jżomm il-faħam bħala l-ikbar kontributur għall-enerġija tal-pajjiż għat-30 sena li ġejjin. L-użu tal-faħam f’dan il-pajjiż żdied b’9.1 % fl-2018-2019.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Tista’ tirċievi l-artiklu b’xejn billi tibgħat email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.