Tyrone Grima kiteb u dderiġa Zayden, produzzjoni ta’ siegħa bil-Malti li se titella’ l-Ispendid bil-Malti f’Lulju.  Din il-ġrajja, interpretata minn attur wieħed, ħa tkun waħda mill-iktar produzzjonijiet interessanti fl-istaġun teatrali dan is-sajf f’pajjiżna.  B’kollox ħa jkun hemm seba’ rappreżentazzjonijiet bejn l-25 u t-28 ta’ Lulju.

Il-produzzjoni teatrali tesplora l-problema ta’ nies li m’għandhomx saqaf fuq rashom f’Malta. Hawn min jgħidlek li fit-toroq ta’ pajjiżna ma narawx nies jittalbu bħalma naraw fl-ibliet lil hinn minn xtutna. Hawn min jgħidlek ukoll li m’hawnx nies f’Malta li m’għandhomx dar fejn jgħixu. Zayden tisfida dawn l-għajdut.

L-istorja ta’ din il-produzzjoni hija dwar ġuvni Malti li baqa’ bla saqaf fuq rasu għal bosta snin. L-attur li ħa jinterpreta dan ir-rwol huwa Jacob Piccinino (Us/them), attur imħarreġ fil-mima, li ħa jieħu lill-udjenza fuq vjaġġ interattiv fil-ħajja ta’ Zayden. Ħafna mill-plej hija bbażata fuq ġrajjiet li seħħew tassew, kemmxejn mibdulin biex tinżamm il-kunfidenjalità, biex turi lill-udejenza Maltija li hawn numru ta’ żagħżagħ Maltin li m’għandhomx saqaf fuq rashom.

“Eċċitat ħafna dwar din il-produzzjoni bil-Malti. L-udjenza ħa tidħaq, ħa xxedd ukoll xi demgħa,’ qal il-kittieb u direttur ta’ Zayden Tyrone Grima, magħruf l-iktar għall-produzzjoni u direzzjoni tiegħu tal-plej Children of a Lesser God. “Imma fuq kollox, Zayden ħa ġġiegħel lin-nies iqumu fuq saqajhom u jbiddlu s-sitwazzjoni biex pajjiżna ikun post aħjar.”

Zayden se titella’ b’kollaborazzjoni mas-Salesjani ta’ Don Bosco, li permezz tal-ħidma tagħhom f’Dar Osanna Pia u Dar Mamma Margherita joffru sapport u għajnuna lill-ġuvnitur Maltin li m’għandhomx fejn jgħixu sabiex ikun jistgħu jibnu ġejjieni aħjar, u mimli tama. Il-qliegħ ta’ din il-produzzjoni ħa jingħata lis-Salesjani ta’ Don Bosco bħala sapport fil-ħidma tagħhom. In-nies kollha li huma involuti fil-produzzjoni ta’ Zayden iħeġġu lill-udjenza biex tingħaqad magħhom f’dan il-vjaġġ biex jifhmu iktar is-sitwazzjoni u biex ikunu jistgħu jagħmlu l-parti tagħhom biex itejjbu din is-sitwazzjoni f’Malta..

Zayden se tittella’ fl-Isplendid, Strada Stretta, il-Belt Valletta. L-ewwel rappreżentazzjoni ħa tkun fil-25 ta’ Lulju fit-8.00 ta’ filgħaxija. Ir-rappreżentazzjonijiet jissuktaw fis-26, 27 u 28 ta’ Lulju, darbtejn kuljum, fis-7.30  u fid-9.00 ta’ filgħaxija.

Għall-biljetti, kif ukoll għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit www.showshappening.com.