Hekk kif qed nassistu għal temperaturi jaqlu l-ankri, ma tonqosx ittambar f’widnejna l-importanza li nipproteġu lilna nfusna mix-xemx, fost l-oħrajn permezz tal-krema protettiva, jew kif insejħulu, is-sunblock.

Tużahx jew le, tajjeb li tkun taf dawn is-seba’ pariri li esperti tas-saħħa ta’ spiss jenfasizzaw dwarhom:

Is-sunblock jiskadi

Minn sajf għall-ieħor iċċekkja d-data fuq il-flixkun. Normalment il-kremi jiskadu wara sentejn jew tlieta.

Image by chezbeate from Pixabay

Trid tapplika krema aktar milli taħseb

Jekk qiegħed bil-malja:

  • Żewġ kuċċarini jekk se tkopri biss rasek, idejk u għonqok
  • Żewġ mgħaref jekk se tkopri ġismek kollu

Jekk ma tapplikax biżżejjed krema, tispiċċa mingħajr il-protezzjoni li fil-verità jkollok bżonn.  Tista’ tnaqqas ir-riskju billi tuża krema b’numru ta’ protezzjoni ogħla, imma xorta hu ssuġġerit li tkopri l-ġisem kollu.

Image by chezbeate from Pixabay

Timpressjonax ruħek meta tara l-kliem “water resistant”

  • Minkejja li wħud mill-kremi tal-protezzjoni mix-xemx jgħidu li jibqgħu jipproteġu l-ġilda anke wara li tixxarrab, il-parir tal-professjonisti huwa li xorta terġa’ tapplika l-krema wara li titla’ mill-ilma. Dan minħabba li l-ilma jneħħi l-krema, u l-effett frisk tal-ilma jista’ jagħtik l-impressjoni li m’intix tinħaraq.
  • L-ilma jirrifletti wkoll ir-raġġi UV, għaldaqstant tiġi iktar espost għax-xemx.
  • Jekk tixxarrab ħafna bl-għaraq, imħeġġeġ tapplika s-sunblock aktar minn darba.
chezbeate, Pixabay

Ara li għandek dan is-sunblock jew aħjar

  • Protezzjoni ta’ mhux inqas minn 15 kontra r-raġġi UV B.
  • Protezzjoni ta’ 4 stilel kontra r-raġġi UV A
  • Jekk int sensittiv ħafna għax-xemx, ara li l-krema tkun minn tal-inqas 30 kontra r-raġġi UV B.

Applika s-sunblock darbtejn qabel toħroġ

Ħafna minna nippruvaw nieħdu kemm nistgħu mix-xemx, imma jekk qed tippjana li toħroġ għal ħin twil, għandek tagħti iktar kas. Il-professjonisti jirrakkommandaw li wieħed japplika s-sunblock darbtejn qabel joħroġ. Nofsiegħa qabel, u eżatt qabel.

Chezbeate, Pixabay

Is-sunblock mhux kollox

Jekk inti inkwetat li tinħaraq, speċjalment jekk se tkun barra bejn il-11am  u t-3pm, għandek tagħti kas dawn:

  • Ilbes kappell
  • Ilbes flokk tal-komma twila

Hekk tkun qed tipproteġi wiċċek, id-dawra ta’ għonqok u jdejk.

chezbeate, Pixabay

Aqra: Ġejja ġimgħa infernali