Partijiet minn Manoel Island ħadu n-nar kawża ta’ murtali li nħarqu minn dawk l-inħawi bil-membri tal-Protezzjoni Ċivili jissejħu fuq il-post biex jintefa’ n-nar.

Hu mifhum li n-nirien żviluppaw wara murtali li nħarqu għal festa tas-Sacro Cuor f’Tas-Sliema li ttelgħu minn għelieqi li jinstabu f’Manoel Island.

In-nirien kienu viżibbli minn diversi bnadi tant li diversi persuni xerdu ritratti fuq il-mezzi soċjali meħuda mix-xatt ta’ Tas-Sliema, Ta’ Xbiex u l-Furjana.

Skont stqarrija mill-Ministeru għall-Ambjent, in-nirien li ħakmu partijiet minn Manoel Island ma kkaġunawx danni kbar lill-veġetazzjoni tal-post. In-nar qabad fi tliet zoni separati f’Manoel Island, mifruxa fuq tliet tomniet ta’ art. Għalkemm jidher li n-nar kien imdaqqas, ma kkaġuna ebda ħsara konsidervoli lill-bijodiversità tas-sit. Membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili jinsabu fuq il-post biex ikomplu jitfu n-nirien.