Dalgħodu ġewwa L-Esplora, il-Kalkara ttella’ avveniment ‘Teknoloġija għat-tfal bilingwi b’disturbi tal-iżvilupp tal-lingwa (DLD) – Fejn ninsabu?’

L-għan ta’ dan l-avveniment kien li jixxandru r-riżultati xjentifiċi miksuba mill-proġett SPEECHIE, ikkoordinat u ffinanzjat mill-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija (MCST) taħt it-Technology Development Programme 2016 FUSION kif ukoll biex jinġabru aktar reazzjonijiet dwar l-apparat innifsu Olly Speaks.

X’inhi d-DLD?

Id-disturbi tal-iżvilupp tal-lingwa (DLD) fit-tfal, ħafna drabi huma attribwiti ma’ diversi fatturi li jinkludu diżabilità intellettwali, awtiżmu u nuqqas ta’ smiegħ. Tfal bid-DLD ħafna drabi jaffaċċjaw diffikultajiet fil- komunikazzjoni soċjali, diffikultajiet fl-imġieba, kif ukoll problemi f’kuntesti edukattivi u vokazzjonali.

Għalkemm il-bilingwiżmu ma jikkawżax DLD, dawn id-diffikultajiet jistgħu jikkumplikaw ruħhom meta t-tfal jiġu esposti għal żewġ lingwi jew aktar, li hija xi ħaġa komuni  madwar id- dinja kollha.

Din l-eventwalità għandha relevanza partikolari fil-kuntest tal-iżvilupp tal-lingwi fit-tfal Maltin. Ħafna drabi, id-DLD fit-tfal tista’ tiġi indirizzata bi programm ta’ intervent magħmul apposta minn Speech-Language Pathologist (SLP). Madanakollu, ħafna drabi t-tfal jitilfu l-interess meta jkunu suġġetti għal attivitajiet ta’ terapija ripetittiva u proċeduri ta’ valutazzjoni twal.

Olly Speaks se jiffaċilita l-evalwazzjoni u t-terapija tal-lingwa għat-tfal

L-Università ta’ Malta u Flying Squirrel Games (FSG) Ltd. ingħaqdu sabiex jiżviluppaw apparat ġdid li fih diversi modi kif jitħaddem u semmewh  Olly Speaks, sabiex jiffaċilitaw l-evalwazzjoni u t-terapija tal-lingwa għat-tfal. Olly Speaks ser ikun żviluppat bħala apparat li jintuża waqt terapija sabiex iħeġġeġ lit-tfal jipparteċipaw f’eżerċizzji imfassla apposta u maħsuba biex joħolqu ambjent li jagħti aktar sodisfazzjon u motivazzjoni.

L-idea wara Olly Speaks hija suġġetta għal applikazzjoni ta’ patent. It-tim ta’ riċerkaturi mmexxi minn  Dr Ing. Philip Farrugia, li ħareġ bl-idea, ħolqu apparat prototip li jaħdem.

Dr Farrugia qal, “Il-viżjoni tagħna fit-tul hija sabiex niżviluppaw aktar lil Olly Speaks sabiex ikun jista’ jintuża f’xenarji lingwistiċi diversi bħalma huma l-Ingliż u l-Ġermaniż u oħrajn bilingwi, bħal per eżempju Spanjol-Ingliż. It-tim tar-riċerka jemmen fis-sħiħ li Olly Speaks għandu potenzjal qawwi li joħroġ fis-suq.”

Iċ-Chairman tal-Kunsill Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija, Dr Jeffrey Pullicino Orlando kellu kliem ta’ tifħir għall-konsorzju u qal “li is-sinerġija u d-dinamiżmu li jiddefinixxu l-konsorzju SPEECHIE hu eċċezzjonali.”

Il-Pro-Rettur għar-Riċerka ta’ l-Universita’ ta’ Malta Prof Saviour Zammit, saħaq li “r-riċerka hija waħda mit-tliet missjonijiet prinċipali tal-ħajja Universitarja, flimkien mat-tagħlim u l-involviment fl-iżvilupp soċjoekonomiku, u hija mdaħħla fid-dikjarazzjonijiet tal-viżjoni, il-missjoni u t-twemmin ta’ l-Università ta’ Malta.”

Aktar dettalji dwar il-proġett huma disponibbli fuq is-sit tagħhom.

Filmat u muntaġġ: Miguela Xuereb