Id-deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo qal li l-liġi tal-kera ma’ tgħid xejn dwar il-kiri ta’ sodod. Meta kien qed jitkellem fid-dibattitu dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-Kirjiet Residenzjali, Vassallo qal li llum qegħdin f’sitwazzjoni fejn appartament ta’ ħames sodod qed jinkera lill-ħames persuni differenti u li din is-sitwazzjoni mhux qed tiġi indirizzata f’dan l-abbozz ta’ liġi.

Huwa qal li  l-Awtoritá tal-Ippjanar għandha tbiddel isimha għal Permitting Issue Authority għax l-għan tagħha hu li toħroġ permessi għal bini fl-anqas żmien possibbli. Tant hu hekk, qal Vassallo, li fl-2018 biss, ħarġu 12,815 permess għal bini mqabbla mal-2,705 fl-2013. Huwa qal li studju tal-Unjoni Ewropea jgħid li r-rata tal-prezzijiet għolew b’ħamsa fil-mija waqt li d-daqs tal-propjetà kompla jonqos.

Il-Gvern ħareġ il-qasam tal-propjetà mill-ITU – Abela

Min-naħa tiegħu, id-deputat Laburista Robert Abela rribatta dan l-argument billi qal li l-Gvern Laburista ħareġ il-qasam tal-propjetà mill-ITU fejn qabel l-2013, il-Gvern Nazzjonalista wessa’ l-konfini tal-iżvilupp iżda ffriża l-permessi bil-konsegwenza li l-ekonomija bdiet nieżla ‘l isfel.

‘Ġenituri jistgħu jikru l-kamra tas-sodda tat-tfal li telqu’ – Farrugia

Is-Segretarju Parlamentari Aaron Farrugia qal li din il-liġi qed tagħti l-opportunità lil dawk il-ġenituri li wliedhom kibru biex dik il-kamra tas-sodda spare, jikkruha u jdaħħlu xi ħaġa lura.

Farrugia qal li 80 fil-mija tal-popolazzjoni għandhom propjetà tagħhom li xtrawha b’self mill-bank u allura jsir l-argument li min għandu l-propjetà tiegħu bid-dejn, il-Gvern juża ‘flusu’ biex jibni akkomodazzjoni soċjali. Huwa qal li l-isfida għaż-żmien li ġej hi r-rata ta’ 80 fil-mija sidien ta’ darhom ma tonqosx.

“Possibbli li hawn min qed jikri kamra u ma jaffordjax appartment?” – Cutajar

Id-deputat Nazzjonalista Kevin Cutajar qal li b’din il-liġi, il-Gvern qed jabdika mir-responsabbiltà li jipprovdi akkomodazzjoni soċjali. Huwa qal li din il-liġi qed tikxef realtà imbarazzanti għall-Gvern u din id-domanda tiġi weħidha –  ‘Possibbli bl-aqwa ekonomija fl-Ewropa, hawn min qed jikri kamra u ma jaffordjax ta’ kiri appartament?” staqsa Cutajar.

Huwa qal li b’kirjiet ta’ sena li qed jipproponi dan l-abbozz ta’ liġi l-Gvern mhux se joħloq stabbilità fil-qasam tal-kera.

Id-deputat parlamentari Godfrey Farrugia qal li Malta għandna l-ogħla rata ta’ żgħażagħ li jgħixu mal-ġenituri u li r-raġuni hi l-kera.