Il-fundatur tal-organizzazzjoni LoveYourself, Ronivin (Vinn) Garcia Pagtakhan, qal li jimtela’ bl-enerġija kull meta xi ħadd jirringrazzjah talli jkun bidillu ħajtu. L-għaqda tipprovdi servizzi ta’ counselling u testing dwar l-HIV fil-Filippini.

Garcia Pagtakhan qal ma’ Newsbook.com.mt li l-organizzazzjoni hija storja tal-għoti tas-setgħa lill-komunitajiet biex joħolqu bidla pożittiva biex jilħqu aktar nies biex ikunu jafu aktar dwar is-saħħa riproduttiva tagħhom.

Għal Garcia Pagtakhan, is-sostenibilità hija importanti. Bħalissa qed jipprovdu testing tal-HIV b’xejn lil aktar minn 40,000 persuna fis-sena. Jixtieq li jkunu jistgħu jipprovdu modi sostenibbli biex in-nies ikollhom ħajja normali u jkunu f’saħħithom.

Skont Garcia Pagtakhan, l-akbar sfida li jaffaċċja hija l-moħħ magħluq ta’ ċertu nies li ma jkunux iridu jitgħallmu aktar dwar l-HIV u dwar kif wieħed jimrad b’din il-marda. Spjega li l-HIV hija bħall-pressjoni għolja u d-dijabete peress li wieħed jista’ jkollu l-HIV għall-ħajtu sħiħa.

Aktar minn 400 persuna f’Malta għandha l-HIV

L-għaqda LoveYourself temmen ħafna bis-self-worth – li wieħed ikollu sens tal-valur tiegħu innifsu. Temmen li dan il-kunċett huwa fundamentali fil-bini ta’ komunità b’saħħitha, speċjalment fost żgħażagħ u rġiel omosesswali. L-għaqda bħalissa għandha aktar minn 1,000 voluntier.

Filmat: “Tani l-HIV u nemmen li apposta” – Joseph

LoveYourself tipprovdi counselling, testjar, u trattament għall-HIV. Toffri dawn is-servizzi minn sitt ċentri f’komunitajiet differenti. L-għaqda torganizza wkoll kampanji edukattivi dwar l-HIV u l-AIDS fi skejjel u kumpaniji.

Fl-2018, Garcia Pagtakhan ġie magħżul mill-għaqda internazzjonali Junior Chamber International (JCI) bħala wieħed mill-aktar nies żgħażagħ promettenti fid-dinja fil-qasam tat-tmexxija umanitarja.

Filmati: Christoph Schwaiger, JCI