Ġlieda bejn żewġ irġiel li joqogħdu flimkien spiċċat b’wieħed minnhom jaqla’ daqqa ta’ sikkina, u l-ieħor jinżamm arrestat.

In-Niġerjan ta’ 26 sena li joqgħod iż-Żejtun hu akkużat li pprova jweġġa’ lill-vittma b’mod gravi, li darbu ħafif u li kellu sikkina f’post pubbliku mingħajr liċenzja tal-pulizija. Ir-raġel li jaħdem f’sit tal-kostruzzjoni allegatament weġġa’ lir-raġel li joqgħod miegħu b’sikkina fil-flett tagħhom ilbieraħ.

Fil-qorti, l-Ispettur Roderick Attard spjega kif fl-għassa tal-pulizija fiż-Żejtun daħal raġel mimli dmija jitlob assistenza medika lbieraħ filgħaxija. Waqt li kienu qed jassistuh, irċivew telefonata anonima tirrapporta li kien hemm argument f’residenza fiż-Żejtun. L-akkużat inqabad mill-pulizija ftit wara.

L-akkużat wieġeb mhux ħati għall-akkużi, iżda ma talabx għall-ħelsien mill-arrest.