Missjunarju fil-Brazil jghin ragel fqir fit-triq

Minħabba l-kriżi ekonomika u l-inċertezza politika fil-Brazil, il-belt ta’ Sao Paulo, li hi l-aktar waħda popolat fil-pajjiż, kellha żjieda kbira fin-numru ta’ persuni li m’għandhomx dar fejn jgħixu. 105,000 persuna, jitolbu l-għajnuna tas-servizzi soċjali minħaba din is-sitwazzjoni.

Min-naħa tagħha, l-Arċidjoċesi ta’ Sao Paulo u membri lajċi tal-moviment Kattoliċi qed jagħmlu sforz qawwi biex jgħinu lil dawn in-nies, iżda s-sitwazzjoni sejra għall-agħar.

Fl-aħħar tliet snin, in-numru ta’ nies bla saqaf fuq rashom żdied b’66%. U dawn huma biss dawk li għamlu kuntatt mad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali.

Vuċi Missjunarja għall-Fqar

“It-tidil politiku fil-Brazil wara li fl-2016 tneħħa l-President Dilma Rousseff, kompla aggrava s-sitwazzjoni. Inqatgħu numru ta’ servizzi soċjali u l-liġijiet ma tantx jipproteġu l-ħaddiema”. Dan qalu Agostino Theotokos tal-komunità “Vuċi Missjunarja għall-Fqar” li taħdem ma persuni b’diżabilità li m’għandhomx fejn jgħixu.

Huwa qal lill-aġenzija tal-aħbarijiet “CRUX” li l-problemi ekonomiċi jolqtu l-aktar lin-nies l-aktar vulnerabbli fosthom nisa, tfal, anzjani u dawk LGBT, li ħafna drabi jispiċċaw jiġru fit-toroq.

Fil-Brazil, il-qgħad laħaq iċ-ċira ta’ 13.2 miljun persuna. Dan wassal biex ħafna nies spiċċaw bla dar. “Fil-ħidma tagħna, qal Theotokos nisimgħu stejjer ta’ anzjani li kienu esplojtjati minn qrabathom u kellhom jitilqu mid-dar u nies LGBT li ma kienux aċċettati mill-familji tagħhom. Hemm imbagħad l-emigranti li jkomplu jżidu l-problema.

Preżenza enormi tal-Knisja

Il-preżenza tal-Knsija Kattolika f’dawn l-oqsma soċjali hi enormi. Ix-xelters pubbliċi, kċejjen pubbliċi u ċ-ċentri soċjali għal dawk bla dar, li huma finanzjati mill-Gvern, huma mmexxija mill-Knisja. Imma l-Knisja tipprovdi ħafna servizzi oħra bir-riżorsi u l-voluntiera tagħha.

“Issa ilna żmien naraw żjieda fin-numru ta’ nies bla dar. Fid-djar tagħna konn nilqgħu madwar 100 persuna kull ġimgħa u mis-sena l-oħra ‘l hawn il-100 saru 150,” qal Caio Ferreir, missjunarju lajk tal-komunità “Missjoni Betlehem”. F’14-il sena dan il-moviment għen aktar minn 60,000 persuna li sfaw bla saqaf fuq rashom.

Il-Konferenza Episkopali u l-Knisja fil-Brazil huma attivi ħafna fil-ġlieda favur in-nies bla dar.  Imma ħafna qassisin jagħlqulhom il-biex għax jgħidu li jgerrxu l-parruċċani. Minħabba l-polariżazzjoni politika, speċjalment wara l-elezzjoni tal-President konservattiv Jair Bolsonaro li jipprova jimita lill-President Trump, ħafna jaraw il-ħidma favur id-drittijiet umani bħala proġett xellugi.

Missjunarji Kattoliċi persegwitati

Kien hemm każi fejn missjunarji Kattoliċi kienu persegwitati minħabba l-ħidma tagħhom kemm għal raġunijiet politiċi kif ukoll għax ippruvaw jipproteġu nies fil-bżonn, li partijiet kbar mill-popolazzjoni jqisuhom bħala kriminali

“Lili arrestawni meta ppruvajt niddefendi n-nies waqt ħidma tal-pulizija fil-post magħruf bħala ‘Crackland’ li hi żona kbira f’Sao Paulo fejn mijiet ta’ nies bla dar jinġabru jpejjpu l-‘crack’” qal Theotokos.

Iżda t-tabtija u r-riskji li ġġib magħha l-ħidma ma nies li m’għandhomx dar, f’pajjiż mimli vjolenza, bħalma hu l-Brazil, mhux qed taqta’ qalb il-voluntiera Kattoliċi. Dan il-missjunarju bħalissa qed itemm kors fit-teoloġija biex is-sena d-dieħla jibda jħejji għas-saċerdozju għax irid li jkun qrib aktar tan-nies. Għalih dawn in-nies m’humiex numri u anqas jirreferi għalihom bħala nies li m’għandhomx fejn joqgħodu, imma bħala ħutu.