Il-kamp tar-refugjati fil-Libja li fih twettaq massakru ftit jiem ilu

Fil-messaġġ tiegħu wara l-Angelus nhar il-Ħadd li għadda l-Papa Franġisku appella lill-komunità internazzjonali biex ma tittolerax attakki gravi bħal dak li sar fuq kamp tar-refuġjati fil-Libja ftit jiem ilu.

Skont in-Nazzjonijiet Uniti, fl-attakk fuq iċ-ċentru tar-refuġjati Tajoura, qrib Tripli, inqatlu 53 emigranti filwaqt li madwar 130 oħra sfaw feruti uħud minnhom gravi. Michelle Bachelet, Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati qalet li dan l-attakk jammonta għal delitt tal-gwerra.

“Avolja għaddew numru ta’ ġranet”, qal il-Papa Franġisku lill-folla miġbura fi Pjazza San Pietru, “xorta waħda nistedinkom biex nitolbu għal dawn l-imsejkna persuni li sfaw maqtula jew feruti fl-attakk mill-ajru fuq kamp ta’ detenzjoni tal-emigranti fil-Libja”.

Il-Papa talab biex “Alla tal-Paċi jieħu għandu lin-nies maqtula u jgħin lill-feruti” filwaqt li esprima t-tama li “jkunu organizzati kuruduri umanitarji għall-emigranti l-aktar fil-bżonn”.

Papa Franġisku ħa wkoll  l-okkażżjoni biex talab għall-vittmi tal-massakri li twettqu riċentement fl-Afghanistan, il-Mali, Burkina Faso u n-Niger. Hu sejjaħ għal minuti silenzju għall-vittmi ta’ dawn il-massakri.

Huwa qal li l-missjoni tal-insara, skont il-Vanġelu tal-jum, hi li jipproklamaw il-Kelma t’Alla lil kulħadd. “Ejja nitolbu l-protezzjoni tal-Imqaddsa Marija biex issostni l- missjoni tad-dixxipli ta’ Kristu, kullimkien, il-missjoni li nipproklamaw ma’ kulħadd li Alla jħobbna, irid isalvana u jsejħilna biex inkunu parti tas-saltna tiegħu.

Fi tmiem dan id-diskors il-Papa sellem lid-diversi gruppi preżenti fil-pjazza, fosthom grupp ta’ Studenti mill-Iskola San Injazju ta’ Cleveland fl-Istati Uniti.