L-Isqof t’Għawdex Mario Grech ikkumpara l-missjoni tal-Forzi Armati ta’ Malta ma’ dik ta’ Ġesù Kristu, peress li bħalu, is-suldati jridu jħabbtu wiċċhom ma’ bniedem mhedded mill-ħażen ta’ kuljum sabiex iroddulu l-ħelsien, partikolarment l-immigranti li jkunu qed jippruvaw jaħarbu minn xi ħażen f’pajjiżhom.

Dan qalu dalgħodu waqt l-omelija fil-pellegrinaġġ tal-Forzi Armati ta’ Malta, li inkluda quddiesa mqaddsa mill-Isqof t’Għawdex fis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu.

Huwa xebbah il-missjoni tas-suldati ma’ dik ta’ Ġesù peress li dawn jissejħu f’qagħdiet skabrużi fejn ikun hemm il-biża’ ta’ kunflitti, u huma jkunu jridu jħarsu l-ordni u jgħassu kontra l-kriminalità sabiex jiggarantixxu s-sigurtà u biex isalvaw il-ħajjiet. L-Isqof ikkwota lill-Papa Franġisku meta dan irringrazzja lil dawk li jsalvaw il-ħajjiet tal-immigranti, peress li jkunu qed jgħixu l-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb meta jagħmlu dan.

Mons. Grech tkellem ukoll fuq il-perikli li jaffaċċjaw is-suldati f’ħidmiethom, billi sikwit ikunu qegħdin jeħduha kontra “leġjun ta’ spirti ħżiena” fil-forma ta’ nies li jikkritikaw xogħolhom. Stqarr li hija ħasra li s-soċjetà ma tifhimhomx u ma tapprezzahomx, u minflok, “tfittex ix-xagħra fl-għaġina biex tikkritika l-Armata.”

Huwa temm l-omelija billi qal li jafda l-Forzi Armati taħt il-ħarsien tal-Madonna Ta’ Pinu sabiex twennes il-familji tagħhom u tagħti lis-suldati l-kuraġġ fil-ġlieda kontra l-ħażen.