Id-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis stqarr li hu ma telax fil-Parlament biex jiddefendi lill-persuni barranin li jiġu Malta u jħallsu kirjiet ta’ €3,000 fix-xahar. Zammit Lewis argumenta li huwa tajjeb li dawn il-kirjiet jibqgħu jitħallsu għax hemm min qed jagħmel il-flus minn hekk. Iżda, issokta l-kelliem, irid jiżgura li min għandu €1,000 paga fix-xahar u jħallas kera ta’ €600 għal appartament f’Birkirkara jiġi mħares.

“Naf li mhu se niġbor l-ebda vot b’dan li se ngħid iżda lanqas mhu sewwa li hawn min jippretendi li l-akkomodazzjoni soċjali tingħata b’ċens perpetwu,” stqarr Zammit Lewis.

“Rajt appartament maqsum bejn tliet min-nies li jitkellmu b’lingwi differenti” – Buttigieg

Id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg qalet li fi żjarat li għamel fi djar qrib ir-residenza tagħha rat appartamenti maqsumin bejn tliet persuni li jitkellmu b’lingwi differenti.

Hi qalet li l-pajjiż mar minn estrem għal ieħor, minn villel għal appartamenti li fihom tgħix familja, u issa l-pajjiż spiċċa f’sitwazzjoni fejn naraw koppji bit-tfal li bnew żewġ sulari u krew taħt.

Buttigieg qalet li din hi realtà li tmissha b’idejha.

“M’hemm xejn ħazin li jinbnew akkomodazzjonijiet soċjali f’art ODZ” – Glenn Bedingfield

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield qal li ma jara xejn ħazin li jinbnew akkomodazzjonijiet soċjali f’art barra miż-żona tal-iżvilupp. Huwa qal li jħossu offiż minn min jgħid li l-backbenchers Laburisti huma mixtrija għax jivvotaw mal-Gvern. Huwa qal li fuq din il-liġi ma kienx hemm x’wieħed imaqdar u f’ċirkustanzi oħra, għandu l-obbligu li jimxi mal-linja li tingħata mill-Whip.

“Jekk is-suq isuq, 10,000 jitkaxkru miegħu” – Michael Falzon

Il-Ministru għall-Politika Soċjali Michael Falzon qal li din il-liġi tindirizza 8% tal-popolazzjoni li jista’ jkollhom problemi tal-kirjiet. Huwa qal li l-Gvern għandu żewġ strateġiji biex jindirizza lil din il-parti tas-soċjet: housing li jintlaħaq minn kulħadd għal min bi ftit għajnuna jista’ jsir sid ta’ daru u housing soċjali għal min taħt l-ebda ċirkostanza mhu kapaċi jsir sid ta’ daru.

Huwa qal li filwaqt li veru li s-suq isuq, però jekk ma jkunx hemm protezzjoni, is-suq ikaxkar miegħu madwar 10,000 persuna.