Dan l-aħħar, il-Bank Ċentrali ta’ Malta ħareġ direttiva ġdida dwar self fuq proprjetà f’Malta. Għall-ewwel darba, din id-direttiva qed tintroduċi ċerti standards minimi ta’ kreditu għall-banek li jisilfu flus għal dan il-għan f’Malta. Din daħlet fis-seħħ fl-1 ta’ Lulju li għadda.

L-HSBC jilqa’ l-introduzzjoni ta’ din id-direttiva peress li jemmen li din se twassal għal kundizzjonijiet ugwali fis-suq tas-self fuq proprjetà, issaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema finanzjarja, u tappoġġja tkabbir ekonomiku sostenibbli.

Il-punti ewlenin tad-direttiva, imsejħa Regolament dwar il-Miżuri tas-Self, huma:

  1. Ix-xerrejja ta’ proprjetà residenzjali se jkunu kklassifikati bħala Kategorija I jew Kategorija II skont jekk il-proprjetà li qed tinxtara hix se tintuża bħala residenza primarja u fuq jekk min se jissellef għandux self ieħor garantit minn proprjetà;
  2. Il-proporzjon massimu ta’ self għal valur għal dawk li jissellfu fil-Kategorija I kien stabbilit għal 90%, filwaqt li l-proporzjon massimu ta’ self għal valur għal dawk li jissellfu fil-Kategorija II kien stabbilit għal 85%, u se jinżel għal 75% mill-1 ta’ Lulju 2020 ‘il quddiem;
  3. It-terminu massimu ta’ self għal dawk li jissellfu fil-Kategorija I issa hu stabbilit għal 40 sena filwaqt li t-terminu massimu ta’ self għal dawk li jissellfu fil-Kategorija II hu għal 25 sena. Fil-każijiet kollha, it-terminu massimu ta’ self ma jistax jaqbeż l-età tal-irtirar tal-klijent;
  4. Il-proporzjon massimu tas-servizz tad-dejn mad-dħul kien stabbilit għal 40% għal dawk kollha li jissellfu. Dan ifisser li l-ħlas lura tas-self fuq proprjetà meħud ma’ kwalunkwe ħlas ieħor ta’ self jew ħlas tal-karta ta’ kreditu li l-klijent jista’ jkollu ma jistax jaqbeż l-40% tad-dħul gross tal-klijent. Biex tissalvagwardja kontra żidiet futuri fir-rati tal-imgħax, il-ħlas lura fuq kwalunkwe faċilità ta’ rata ta’ imgħax varjabbli, ġdida jew eżistenti, għandha tkun ikkalkulata b’interest rate shock ta’ 150 punti bażi (eż. 4.5% minflok 3%);
  5. Ċerti eżenzjonijiet huma fis-seħħ għal dawk fil-Kategorija I li jkunu qegħdin jixtru proprjetà b’valur tas-suq ta’ €175,000 jew inqas; u
  6. Dawk li jisellfu jistgħu jaqbżu l-limiti tas-self mal-valur sa ċertu proporzjon tas-self tagħhom sakemm ikunu qed jagħtu garanzija addizzjonali.

Il-Bank Ċentrali għamel ukoll dispożizzjonijiet speċifiċi għal dawk li se jissellfu u għandhom proċeduri pendenti quddiem il-Qorti Ċivili (Sezzjoni tal-Familja) li jistgħu jxekklu l-bejgħ tar-residenza primarja tagħhom.

Dawn ir-regolamenti huma fil-biċċa l-kbira konformi mal-politka ta’ self prudenti tal-HSBC u, bħala sellief responsabbli, l-Bank qed jistenna li, wara l-introduzzjoni ta’ din id-direttiva, in-negozju f’dan il-qasam ikompli bħas-soltu.

Fid-dawl ta’ dawn il-bidliet, dawk li beħsiebhom jissellfu fuq proprjetà jagħmlu tajjeb jekk jikkuntattjaw mill-ewwel lill-bank tagħhom ħalli jifhmu eżattament kemm jistgħu jissellfu, il-ħlas minimu li mistennija jikkontribwixxu, u l-ħlas lura li eventwalment ikollhom iħallsu.

Uħud mill-klijenti jsibuha ta’ benefiċċju li jnaqqsu s-self tal-kards ta’ kreditu tagħhom għal żmien qasir ħalli b’hekk ikollhom aktar dħul disponibbli biex jiddedikawh għall-ammont ta’ self fuq proprjetà li jixtiequ jagħmlu użu minnu.

Is-self fuq proprjetà kien, għadu, u se jibqa’ jkun parti importanti ħafna mill-firxa ta’ prodotti u servizzi li l-banek f’Malta jipprovdu lill-klijenti. Fl-HSBC Malta, bħalissa qed ninvestu fl-impjegati tagħna u fit-teknoloġija biex inkomplu inżidu l-effiċjenza u l-professjonaliżmu tas-servizz lill-klijenti li qed ifittxu self fuq proprjetà.

Dan hu apparti minn inizjattivi oħra li varajna dan l-aħħar. Dawn jinkludu l-ftuħ tal-kontijiet bl-onlajn għal klijenti personali u negozji żgħar, websajt ġdida u servizz bankarju tal-internet, u Kont tal-Bank Bażiku għal klijenti potenzjali li mhumiex eliġibbli għal xi tip ieħor ta’ kont tal-ħlas.

Dan l-aħħar ftaħna ukoll offerta ta’ rata ta’ imgħax ġdida li tagħti lil dawk il-klijenti ġodda li jisselfu fuq proprjetà l-opportunità li jibbenefikaw minn rata speċjali ta’ 2.45% fissa sat-30 ta’ Ġunju 2022 fuq ħlas ta’ miżata ta’ prenotazzjoni ta’ darba ta’ €100. L-għan tagħna hu li nkomplu nipprovdu proposta ta’ self fuq proprjetà bi prezz kompetittiv, kemm f’dawk li huma miżati, kif ukoll fuq rati ta’ imgħax, għal dawk kollha li jkunu se jissellfu.

Min-naħa tagħna, irridu nkomplu nkunu fornitur ewlieni ta’ self fuq proprjetà f’Malta, biex hekk inservu lill-komunità tagħna, filwaqt li nappoġġjaw lill-ekonomija Maltija ħalli tikber b’mod sostenibbli.

Gregory Inglott – Deputat Kap tar-Retail Banking and Wealth Management tal-HSBC Bank Malta p.l.c.