Nisa jistennew biex jingħataw razzjon ta’ ikel minn ċentru apposta

Mons. Evans Chinyemba, Isqof ta’ Mongu u President ta’ Caritas Zambia, niedaa kampanja bl-iskop li jinġabru $9 miljuni biex jinxtara u jitqassam ikel lill-popolazzjoni li ntlaqtet min nixfa u l-għargħar fil-pajjiż, din is-sena u s-sena li għaddiet. Din is-somma kienet stabbilita wara li l-Knisja permezz ta’ Caritas ġabret informazzjoni mingħand il-familji kollha milquta.

L-isqof Chinyemba qal li l-Caritas ġabret l-informazzjoni dwar il-ħtiġijiet tan-nies fil-bżonn billi għamlet intervisti, osservat b’mod dirett u żaret djar u familji fl-inħawi milquta. “In-nies bilġuħ huma vulnerabbli u faċilment ikunu manipulai. Dan qed iwassal biex ħafna minn ħutna qed jitilfu d-dinjità tagħhom. Nixtiequ ninfurmaw lill-Gvern bit-tħassib tagħna u nagħmlu wkoll appell urġenti lin-nies ta’ rieda tajba”.

50 distrett f’sitwazzjoni gravi

Skont informazzjoni miġbura minn Caritas Zambia, xi familji ma għandhomx ikel biżżejjed biex jieklu. “In-nofsinhar, il-punent u partijiet mil-lvant u ċ-ċentru tal-pajjiż, fosthom Lusaka, kellhom falliment totali fil-produzzjoni ta’ prodotti tar-rabgħa.  Għalhekk il-familji ma ġabru ebda ikel biex isostnihom sal-istaġun agrikolu li jmiss. Hemm madwar 50 distrett milquta minn din is-sitwazzjoni gravi u l-familji diġa’ qed isofru l-ġuħ,” qal l-Isqof..

Jirriżulta li 418,969 familja intlaqtu minn din in-nixfa. Fil-postijiet li żaru rappreżentanti tal-Knisja, 79% tal-uċuħ tar-rabgħa intlaqtu min-nixfa, 13% sofrew minn għargħar u 4% ntlqtu kemm min-nixfa kif ukoll mill-għargħar.

Jghixu biss bi frott selvagg

“In-nixfa twila fl-aħħar staġun taż-żriegħ ikkaġunta nuqqas ta’ ilma kemm għan-nies kif ukoll għall-annimali. Diġa waslulna rapporti li f’xi postijiet l-ftit ilma li hemm qed jinqasam bejn in-nies u l-bhejjem. Bħalissa ħafna familji m’għandhom xejn x’jieklu u qed jgħix bi frott selvaġġ jew b’xejn. Dan dalwaqt jibda jaffettwa s-saħħa tan-nies, speċjalment tat-tfal u jekk ma jsirx xejn malajr, dalwaqt jibda jkollna nies imutu bil-ġuħ”, qal L-isqof Chinyemba.

Għal din ir-raġuni Caritas Zambia f’kollaborazzjoni  tal-Catholic Relief Service, b’għajnuna mill-Knisja fin-Norveġja qed jorganizzaw ħidma biex jippruvaw itaffu ftit mill-ġuħ fiż-żoni milquta.