Fl-Ingilterra matul is-sena l-oħra kien hemm 2,485 każ fejn klieb għamlu għall-pustiera, żieda ta’ disgħa fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.

Qed jiġri li aktar u aktar pakketti qed jaslu fid-djar ta’ oġġetti li jkunu ordnati on-line u għalhekk ir-residenti jkollhom jiftħu l-bieb ta’ barra biex jirċievu l-pakkett u jiffirmaw għalih. Huwa f’dan il-ħin, meta jisbu l-bieb miftuħ, li dawk il-klieb mhux kontrollati qed jagħmlu għall-pustiera, irġiel u nisa, li jkunu jwasslu l-pakkett.

Ir-Royal Mail, il-kumpanija nkarigata mit-tqassim tal-Posta fl-Ingilterra, qed titlob lin-nies biex qabel ma jiftħu l-bieb ta’ barra għall-pustieri jaqflu l-klieb f’kamra biex lill-pustiera jħalluhom jagħmlu xogħolhom mingħajr biża’ ta’ xi gidma.

Kelliema għar-Royal Mail qalet li bosta pustiera setgħu korrew gravi, u kien hemm min spiċċa ħażin. Kompliet tgħid li żdied ħafna t-tqassim ta’ pakketti minħabba l-bejgħ kbir li qed ikun hemm on-line. Xi wħud qed jagħmlu l-ħajja tal-pustiera aktar diffiċli għax ma jikkontrollawx il-klieb tagħhom.

Il-kelliema rrakkuntat li kien hemm każ minnhom fejn pustiera tant ingidmet minn kelb li kellha tittieħed l-isptar bid-demm ħiereġ minn riġlejha u setgħet terġa’  lura għax-xogħol ħames ġimgħat wara.

Sa nhar is-Sibt li ġej ir-Royal Mail qed tfakkar id-Dog Awareness Week li matulha qed jintuża timbru speċjali għal din il-ġimgħa biex wieħed jikkontrolla l-klieb tiegħu meta jara pustier.