Viviane u Pierre Lambert, ġenituri ta’ Vincent Lambert deħlin fl-isptar fi Franza fejn qed jinżamm binhom Vincent (Credit: Thibault Camus/AP.)

Minkejja l-appelli ripetuti minn membri tal-familja u mexxejja Kattoliċi, fosthom il-Papa Franġisku nnifsu, tobba Franċiżi din il-ġimgħa bdew iwaqqfu l-għajnuna lil Vincent Lambert, raġel ta’ 42 sena li ilu jgħix fi stat veġitattiv għal aktar minn 10 snin.

Fl-1 ta’ dan ix-xahar, omm Lambert dehret quddiem il-Kumitat Internazzjonali għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità  u filwaqt li karbet: “Għax ma tridux tisimgħu minnha? Vincent hu persuna umana mhux oġġett”. Hi sostniet li “Ibni qed ikun assassinat legalment”.

L-omm imbikkma żiedet tgħid li:  “Vincent mhux ħaxixa.  Jien qatt ma rajt ħaxixa ddawwar wiċċha meta xi ħadd isejħilha.  Għandi diversi ritratti u videos li jippruvaw il-kuntrarji ta’ dak li qed jingħad fil-gazzetti”.

Ferut serjament

Fl-2008 Vincent Lambert safa ferut serjament f’inċident waqt li kien qed isuq mutur u baqa’ dipendenti għal kollox iżda baqa’ jieħu n-nifs u baqa’ ħaj. Hu missier ta’ tifla li twieldet ftit qabel kellu dan l-inċident.

Il-ġenituri u l-familja Kattolika tiegħu daħlu f’battalja legali biex jassiguraw li jibqa’ jingħata l-kura. L-opinjoni pubblika fi Franza u fl-Ewropa hi maqsuma fuq dan il-każ. Xi tobba jemmnu li r-raġel hu xi ftit kuxjenti filwaqt li oħrajn isostnu li hu fi stat veġetattiv kroniku.

Bl-approvazzjoni ta’ martu, fl-2013 it-tobba bdew iwaqqfulu l-kura bil-mod il-mod iżda bla ma riedu ħallewlu doża biżżejjed ta’ hydration li żammitu ħaj.  F’Mejju li għadda reġgħet tnaqqsitlu l-kura il-Qorti tal-Appell ta’ Pariġi indaħlet u ordnat lit-tobba biex ikomplulu l-kura li kellu bżonn.

Bla ikel u xorb

Iżda nhar il-Ġimgħa li għaddiet l-Ogħla Qorti Franċiża bidlet id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell biex Lambert ikompli jingħata l-kura.  Bħalissa dan ir-raġel mhux qed jingħata ikel u xorb imma qed jingħata kura paljattiva biex ittaffilu l-uġiegħ kaġunat mill-ġuħ u l-għatx.

Għal darbtejn il-Papa Franġisku tkellem dwar il-każ ta’ Lambert u sostna li l-ħajja umana għandha tkun preservata. Il-Papa kien qal: “Ejjew nitolbu biex kull persuna marida tkun rispettata fid-dinjità tagħha u tingħata l-kura meħtieġa għall-kundizzjoni tagħha bi qbil bejn il-familja, it-tobba u operaturi oħra fil-qasam tas-saħħa, b’rispett kbir għall-ħajja”.

Fi Franza, l-Euthanasia hi llegali, iżda tliet snin ilu kienet approvata liġi biex pazjenti kunsidrati li huma morda terminali jitpoġġew f’dik li tissejjaġ “Continuous Deep Sedetaion”. Il-Knisja fi Franza li din il-liġi, jekk tkun applikata fil-każ ta’ Lambert, tkun qed tiftaħ it-tirq għall-ewtanasja fil-pajjiż.

L-Arċisqof Eric de Moulins-Beufort, President tal-Konferenza Episkopali Franċiża qal: “Li ma tħallix bniedem imut bil-ġuħ u bil-għatx u tagħmel dak kollu li tista’ biex tagħtih kura adattata sal-aħħar, tkun qed tonora s-soċjetà umana”.

L-isqfijiet qalu li kien hemm diversi istitutzzjonijiet li kienu lesti jibqgħu jagħtu kura lil Lambert u jekk titwaqqaf l-għajnuna tal-makni inkunu qed narmu soċjetà li kapaċi li toffri kura lill-membri l-aktar dgħajfa tagħha. Li narmu dan l-ideal għax il-kura tiswa ħafna flus jew għax inqisu li m’hemmx skop li tħalli persuna umana tgħix, tkun qed tgħarraq l-isforzi kollha taċ-ċiviltà tagħna.

Ksur gravi tad-dinjita tal-persuna

Ftit wara din id-dikjarazzjoni, uffiċjali fil-Vatikan qablu mal-Knisja fi Franza u nsistew li t-twaqqif tal-ikel u x-xorb hu “ksur gravi tad-dinjità tal-persuna.”

“It-twaqqif tal-kura hu forma ta’ abbandun tal-pazjent, bażat fuq ġudizzju bla ħniena tal-kwalità tal-ħajja u espressjoni tal-kultura tar-rimi li tagħżel lill-aktar dgħajfa bla ma tagħraf li huma uniċi u għandhom valur immens”, sostnew l-uffiċjali tal-Vatikan.

“Vincent Lambert hu ħaj daqs kull wieħed u waħda minnha”, sostna Fr Roberto Colombo, Professur tal-Mediċina u l-Kirurġija fl-Università Kattolika tal-Qalb ta’ Ġesù f’Ruma. “Qegħdin naraw għebusija tar-ras favur l-ewtanasja li ma tixraqx lill-mediċina u lil soċjetà ċivili bażata fuq il-liġi u l-ugwaljanza bejn il-membri tagħha, imqar dawk b’diżabilità”, qal Fr. Colombo.