BerBerio hi produzzjoni li tolqtok u tqanqlek, ibbażata fuq il-lingwaġġ mużikali tal‑kompożitur avangardist Luciano Berio, b’divertiment eċċezzjonali għall-familja kollha

L-edizzjoni tal-2019 tal-Festival Internazzjonali tal-Arti f’Malta issa għaddejja ġmielha wara li bdiet fit-28 ta’ Ġunju u qed tiġbed udjenzi leali u oħrajn ġodda hi u tilħaq il-mira tagħha li toffri taħlita ta’ innovazzjoni u aċċessibbiltà.

Il-produzzjoni bl-isem BerBerio minn Zonzo Compagnie tal-Belġju tidħol perfettament mal-miri tal-Festival ta’ din is-sena li joffri wirjiet innovattivi u li jilħaq udjenzi wesgħin u ġodda. Din il-produzzjoni żgur toffri lill-familji bi tfal ta’ ’l fuq minn 6 snin serata li ma jinsewha qatt. Ibbażata fuq il-mużika tal-kompożitur avangardist Taljan Luciano Berio u tal-ispiratriċi tiegħu – martu Cathy Berberian b’ħafna talenti min-naħa tagħha wkoll – il-mużiċisti u l-artisti f’din il-produzzjoni jaqilbu d-dinja tal-mużika ta’ taħt fuq.

Huma jħassru l-fruntieri li jxekklu u jagħlqu l-ġeneri mużikali. L-udjenza kollha – żgħar u kbar – timbarka fuq dan il-vjaġġ mużikali innovattiv hekk kif l-istorja li tolqtok ta’ dan il-persunaġġ interessanti titwassal permezz ta’ mużika li tqanqal. Dan hu l-aqwa mod kif l-udjenzi żgħar fl-età jistgħu jsiru midħla tal-maġija tar-rappreżentazzjoni.

Min huma Luciano Berio u Zonzo Compagnie?

Imwieled fir-reġjun tal-Liguria, fl-Italja, fl-1925, il-karriera mużikali kienet miktuba għal Luciano Berio; kemm missieru Ernesto kif ukoll nannuh Adolfo kienu kompożituri. Ta’ 20 sena, Berio telaq lejn Milan biex jistudja l-mużika fil-Conservatorio Giuseppe Verdi, fejn tħarreġ fil-kompożizzjoni minn Giulio Cesare Paribeni u Giorgio Federico Ghedini, u fid-direzzjoni minn Carlo Maria Giulini u Antonino Votto. Fl-1952 hu kompla l-istudji tiegħu fl-Istati Uniti.

Berio telaq fuq il-karriera professjonali tiegħu kmieni fis-snin 50 u sa mill-bidu stabbilixxa ruħu bħala esponent ewlieni tal-ġenerazzjoni mużikali avangardista fl-Italja. Tul il-karriera tiegħu kien affaxxinat bil-mod kif il-vuċi, l-istrumenti akustiċi u l-ħsejjes prodotti b’mezzi elettroniċi jistgħu jaħdmu flimkien. Din l-ispeċjalizzazzjoni bdieha fl-1954 meta Berio u sieħbu l-kompożitur u direttur Bruno Maderna ħolqu l-ewwel studio ta’ mużika elettronika fl-Italja fil-kwartier prinċipali tar-RAI f’Milan, li kien inawgurat is-sena ta’ wara bl-isem ta’ Studio di Fonologia Musicale. Kien hawnhekk li Berio pproduċa ħafna mix-xogħlijiet elettroniċi tiegħu, inkluża l-kompożizzjoni illustri Thema (Omaġġ għal Joyce) fl-1958 u li hi bbażata fuq il-qari ta’ Ulysses ta’ James Joyce minn mart Berio, Cathy Berberian. Thema hi meqjusa bħala l-ewwel xogħol elettroakustiku fl-istorja tal-mużika tal-Punent.

Fis-snin ta’ wara, Berio ntelaq fuq il-produzzjoni ta’ għadd kbir ta’ biċċiet li fihom issokta jħaddem flimkien il-kliem u l-mużika u b’hekk kompla jsaħħaħ il-post xieraq li diġà kien kiseb fl-istorja tal-mużika moderna. Madankollu, Berio ma kienx mogħti għall-kompożizzjoni biss. Mill-1974 sal-1980 hu kien id-direttur tat-taqsima elettroakustika tal-IRCAM f’Pariġi, l-istitut għar-riċerka dwar il-mużika u l-ħoss akustiku. U fl-1987 fetaħ it-Tempo Reale f’Firenze, ċentru għar-riċerka dwar il-mużika u l-produzzjoni. Hu llekċerja l-mużika f’ħafna istituzzjonijiet edukattivi prestiġjużi fl-Istati Uniti, inkluż fil-Juilliard School fejn waqqaf il-Juilliard Ensemble, u fl-Università ta’ Harvard fejn kien il-Kompożitur Residenti Distint mill-1994 sal-2000.

Berio rebaħ il-Prix Italia (il-premju ewlieni fl-Italja għax-xandir) fl-1966. Fl-1988 inħatar Membru Onorarju tar-Royal Academy of Music, f’Londra, u fl-1994 kien elett Membru Onorarju Barrani tal-American Academy of Arts and Sciences. Dawn huma biss ftit mill-ħafna unuri prestiġjużi li rebaħ tul il-karriera tiegħu. Berio miet fl-2003 ta’ 77 sena.

Zonzo Compagnie kisbet il-fama tajba tagħha madwar id-dinja għall-produzzjonijiet interessanti tagħha għal udjenzi ta’ etajiet żgħar. Din il-kumpanija Belġjana ħolqot xogħlijiet emozzjonali meraviljużi bbażati fuq il-ħajja ta’ mużiċisti u kompożituri affaxxinanti; ix-xogħlijiet ta’ din il-kumpanija laqqgħu lill-udjenzi żgħażagħ tagħha mal-mużika ta’ personaġġi leġġendarji bħal John Cage, Thelonious Monk, Miles Davis u Johann Sebastian Bach. Din hi taħlita varjata ta’ personaġġi li ħadmet fuqhom Zonzo Compagnie u mhux ta’ b’xejn li issa qed tiffoka fuq il-mużika tant oriġinali ta’ Luciano Berio għall-aktar biċċa xogħol riċenti tagħha.

Disinn innovattiv tal-palk u tad-dawl

Il-produzzjoni BerBerio rebħet premju fil-Young Audiences Music Awards fl-2016. Hija mfassla mill-ensemble mużikali Revue Blanche flimkien ma’ Letizia Renzini, l-artista u direttriċi Taljana f’ħafna dixxiplini. Renzini tidderieġi BerBerio li fiha l-udjenza tgawdi wkoll id-disinn innovattiv tal-palk u tad-dawl magħmul minn Pieter Nys u l-kostumi minn Johanna Trudzinski.

Revue Blanche ftit ilu rebħet il-Premju Klara għat-talent żagħżugħ u twasslilna t-talenti tas-sopran Lore Binon, ta’ Caroline Peeters fuq il-flawt, ta’ Anouk Sturtewagen fuq l-arpa, u ta’ Kris Hellemans fuq il-vjola.

BerBerio hija mtellgħa minn Zonzo Compagnie flimkien ma’ Revue Blanche, Concertgebouw Brugge, Jeugd en Muziek Vlaanderen u KC Rataplan – bl-appoġġ tal-programm Ewropa Kreattiva tal-Unjoni Ewropea u Vlaanderen Verbeelding Werkt.

Din il-produzzjoni se tittella’ l-Ġimgħa 12 ta’ Lulju fis-6pm fit-teatru tal-campus tal-Belt tal-Università (ex-MITP) fi Triq San Pawl. Biex tixtri l-biljetti minn issa jew biex tara l-programm sħiħ tal-Festival Internazzjonali tal-Arti f’Malta, tista’ żżur www.facebook.com/MaltaArtsFestival jew www.festivals.mt/miaf