L-abbozz ta’ liġi dwar il-Protezzjoni tal-Minuri u Ħarsien Alternattiv għaddiet mill-aħħar stadju tal-Parlament biex issir liġi b’mod unanimu. Madanakollu, l-Oppożizzjoni ivvotat favur b’riserva.

Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech spjega li minħabba l-importanza ta’ din il-liġi, l-Oppożizzjoni ħasset il-bżonn li tivvota favur madanakollu tħossha ddiżżapuntata li l-Gvern baqa’ jinsisti li ma jdaħħalx protezzjoni għat-tarbija fil-ġuf.

Filmat: “It-tarbija fil-ġuf għandha tkun protetta fil-liġi dwar il-protezzjoni tal-minuri”

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Gvern baqa’ jwebbes rasu. Fakkar li l-Gvern kien diġà vvota kontra din il-proposta tal-Oppożizzjoni fil-Kumitat Parlamentari għall-Kunsiderazzjonijiet tal-Abbozzi. Spjega li l-Oppożizzjoni kienet insistiet li fid-definizzjoni ta’ minuri fil-liġi tkun inkluża t-tarbija fil-ġuf biex il-protezzjoni tkun estiża wkoll għat-tarbija fil-ġuf. Dan wara li l-protezzjoni tat-tarbija fil-ġuf kienet tneħħiet mid-definizzjoni ta’ min hu protett mil-Liġi tal-Vjolenza Domestika.

Il-PN insista li l-Gvern irrifjuta wkoll li jżomm klawsoli fil-liġi eżistenti li kienu jitolbu li ċirkostanzi fejn it-tarbija fil-ġuf tkun f’periklu jiġi rrappurtati. L-Oppożizzjoni esprimiet l-impenn tagħha li tmexxi ‘l quddiem politika li tipproteġi lit-tarbija fil-ġuf.