Haroon Irfan - diskriminat vjolentment ghax Kattoliku

L-iskejjel tal-Gvern fil-Pakistan spiss joffru ambjent ostili għal studenti nsara li jkunu esposti għal fastidju kemm fl-iskola kif ukoll barra minnha. Wieħed minn dawk li għadda minn din l-esperjenza qarsa hu Haroon Irfan, tifel Kattoliku ta’ 14-il sena.

Il-passatemp ta’ dan it-tifel hu l-logħba tal-Cricket. Hu jħobb jilgħab din l-iskola ma’ sħabu.  Hu jirrakkonta li “dan l-aħħar ma kontx qed immur skola għax billi jien nisrani, l-istudenti Musulmani fil-klassi tiegħu bdew jittantawni, jgħiduli li jien maħmuġ u li ma jixraqlix nattendi l-iskola. Jiddieħku bija billi jagħmlu s-sinjal tas-Salib jew ipinġuh fl-art u jgħaddu minn fuqu. Jien ma nistax niddefendi lili nnifsi. Nista’ ndur biss fuq il-Prinċipal jew l-għalliem.  Ommi tgħidli biex ma nweġibx għal din il-provokkazzjoni għax ikeċċuni mill-iskola”.

Vjolenza ripetuta

Haroon żied jgħid li “barra mill-iskola kont fil-mira ta’ vjolenza ripetuta.  Darba minnhom, jien  u sejjer lura d-dar mis-suq, grupp ta’ tfal Musulmani mxew warajha, waqqgħuni fl-art u qlajt daqqa ta’ sikkina. Ħallewni minxur mal-art bid-dem ħierġ sakemm xi nies mill-inħawi rawni u ħaduni d-dar. Il-ġenituri ħaduni l-isptar fejn tneħħietli kilwa li kienet mifqugħa. Darb’oħra, tliet itfal li kellhom arma tan-nar, nasbuni, ippruvaw jaħtfuni, iżda kien hemm mara li bdiet tgħajjat u huma ħarbu.

“Jien inħobb lil pajjiżi. Xtaqt nidħol fil-militar imma billi neħħewli kilwa ma stajtx nidħol għal dan is-servizz. Għalija sar perikoluż li ngħix fil-Pakistan. Qatt ma ħassejtni rispettat u qatt ma stajt nipprattikaw bil-libertà t-twemmin li nemmen fih. Il-ktieb tal-iskola li tawni jgħid li Ġesù Kristu mhux l-Iben t’Alla. Ma għandi ebda tama għall-paċi jew teolleranza reliġjuża.”

Alla dejjem mieghu

Iżda minkejja dan kollu, Haroon Irfan jemmen li Alla kien dejjem miegħu. “Meta kont l-isptar rajt lil Ġesù f’ħolma; rajtu jimxi miegħi u għalkemm kont muġugħ, waqt it-talb inħossni rilassat. Anke fl-aktar mumenti koroh, Hu jdawwalni.  Qatt m’hu se jabbandunani.  Jien grat lejn il-familja tiegħi, speċjalment lejn ommi.  Il-familja dejjem waqfet miegħi u hekk se tibqa’ tagħmel”.

Haroon qal li ma jafx x’ jista’ jsir biex tispiċċa din il-kriżi reliġjuża f‘pajjiżu. Hu talab lill-pajjiżi u lil ħutu l-insara fil-Punent, biex jgħinu lill-insara li huma persegwitati madwar id-dinja. “Aħna nixtieq ngħixu skont il-Bibbja u rridu nagħmlu dan f’ambjent sigur.”