The Mirror

Sitt turisti, fosthom żewġt itfal, tilfu ħajjithom, u iżjed minn 100 persuna ndarbu wara li maltemp u riħ qawwi ħakmu l-Greċja l-Erbgħa filgħaxija, b’konsegwenza li tqaċċtu s-siġar u nqalgħu s-soqfa tad-djar.

Dan ġara fil-peniżola Halkidiki, reġjun popolari mat-turisti fis-sajf. Ritratti fuq is-siti elettroniċi u filmati tal-aħbarijiet juru siġar imqaċċtin, muturi maqlubin rashom ‘l isfel.

It-turisti li mietu kienu żewġ Ċeki li kienu ġo karavan li tkaxkar mar-riħ, omm u binha ta’ 8 snin Rumeni li ġġarraf fuqhom is-saqaf ta’ restorant, u missier ta’ 39 sena u ibnu ta’ sentejn Russi li waqgħet siġra qrib il-lukanda li kienu fiha. L-etajiet ta’ dawk midruba jvarjaw bejn tmien xhur u aktar minn 70 sena. Ħafna weġġgħu billi waqgħu oġġetti fuqhom, saħansitra siġar.

Id-Direttur taċ-Ċentru Mediku Nea Moudania, Athansios Kaltsas, qal li din hi l-ewwel darba fil-karriera tiegħu ta’ 25 sena li esperjenza xi ħaġa ta’ din ix-xorta. Qal li dan kollu ġara f’daqqa.

Temp daqshekk sever mhuwiex komuni fil-Greċja, peress li s-sjuf normalment ikunu sħan u nexfin. Il-meteorologu Klearxos Marousakis iddeskriva dawn il-kundizzjonijiet strambi ħafna għal dan iż-żmien tas-sena. Hu mistenni li tibqa’ tagħmel ix-xita sa xi d-9am illum.

L-awtoritajiet iddikjaraw stat ta’ emerġenza f’Halkidiki, fejn qed jaħdmu tal-inqas 140 pumpier.