Tal-inqas seba’ persuni ndarbu, b’wieħed imweġġa’ sew f’idu, fil-ħames jum tal-festival ta’ San Fermin tat-tiġrijiet tal-barrin f’Pamplona fi Spanja.

F’kull għodwa tal-festival li ilu għaddej għal sekli sħaħ, iżjed minn elf persuna, b’ħafna minnhom lebsin flokk abjad u maktur aħmar, skont it-tradizzjoni, jinġabru fit-toroq fit-8am biex jaħarbu minn nofs tużżana barrin li jkunu fi triqthom lejn fejn iġellduhom, fejn eventwalment jinqatlu matul il-ġurnata.

Ir-rotta hija twila 875 metru, iżda ħafna min-nies li jipparteċipaw jilħqu jaslu sal-40 metru biss sakemm jilħquhom il-barrin.

It-tiġrija tal-lum damet ftit iżjed minn żewġ minuti b’barrin li tħarrġu f’Victoriano del Rio, ftit ‘il bogħod minn Madrid.