Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Carmelo Abela qal li se tinfetaħ inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia fi żmien tliet xhur.

Abela qal dan waqt konferenza dwar il-midja fir-Renju Unit fi tweġiba għall-mistoqsijiet li sarulu. Malta intalbet tiftaħ din l-inkjesta mill-Kunsill tal-Ewropa wara li l-Gvern Malti kien għadu qed jinsisti li jrid jiftaħ din l-inkjesta wara li jkunu spiċċaw l-investigazzjonijiet kriminali b’rabta mal-każ.

Abela żied jgħid li wieħed issa jrid jara kif jagħmel biex ma jkunx hemm impatt fuq l-investigazzjoni kriminali.

Fi stqarrija ffirmata mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia bħala l-Kelliem għall-Ġustizzja u l-Governanza Tajba, il-PN qal li l-bord ta’ inkjesta għandu jkun tassew indipendenti u imparzjali biex issir ġustizzja.

Il-PN qal li fl-aħħar il-Gvern sab ir-rieda li jagħmel dak li messu għamel malli inqatlet Caruana Galizia. Żied jgħid li jistenna li l-inkjesta pubblika ma tkunx waħda fażulla.

“F’dan l-ispirtu l-ħata tal-Bord għandha ssir mill-Parlament sħiħ u mhux mill-Prim Ministru Joseph Muscat waħdu,” qal il-PN li żied jgħid li Muscat kellu jiddeċiedi favur ħatra ta’ bord “kontra qalbu”.

Il-PN qal li l-Bord tal-Inkjesta għandu jingħata fost oħrajn ir-remit biex jiddetermina wkoll jekk il-qtil setax jiġi evitat, jekk l-Istat qediex l-obbligu tiegħu li jieħu l-passi neċessarji in vista ta’ ċirkostanzi li setgħu jindikawlu l-preġudizzju u l-periklu li Daphne Caruana Galizia kienet fih, u jistħarreġ ukoll jekk il-proċeduri u strutturi amministrattivi kienux suffiċjenti biex jipproteġu l-ħajja tal-ġurnalista.

F’Ġunju Newsbook.com.mt kien irrapporta li l-Gvern Malti qal lir-Renju Unit li mhux se jkun qed jikkunsidra li jiftaħ inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan minkejja x-xewqiet tal-familja tal-ġurnalista maqtula.

Assassinju Daphne: Mhux se nikkunsidraw inkjesta pubblika għalissa – Malta lir-Renju Unit

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li r-riżoluzzjoni tal-Assemblea Parlamentari tal-Kunsill tal-Ewropa fiha “ħafna skorettezzi” u reġa’ akkuża lir-rapporteur speċjali min-Netherlands Pieter Omtzigt li kien żbilanċjat ħafna.

Filmat: Diġà għidt li ma naqbilx mal-kontenut tar-riżoluzzjoni ta’ Omtzigt – Muscat

Reazzjonijiet fil-midja soċjali