Il-Fondazzjoni Richmond qalet li hemm bżonn servizz ta’ emerġenza għas-saħħa mentali.

Fi stqarrija, il-Fondazzjoni Richmond qalet li huwa d-dritt tal-persuni bi problemi ta’ saħħa mentali li jkollhom aċċess għal informazzjoni preċiża dwar is-servizzi tas-saħħa mentali u dwar kif dawn is-servizzi jistgħu jiġu aċċessati.

Il-fondazzjoni qalet li tirrikonoxxi l-bżonn għal servizzi ta’ emerġenza għas-saħħa mentali li huwa aċċessibbli għal kulħadd. Dan is-servizz jista’ jkun jinkludi linja telefonija. Qalet li dan is-servizz għandu jkun b’xejn fil-punt meta jkun qed jingħata. Spjegat li temmen li b’hekk persuni fi kriżi ta’ saħħa mentali jkunu jistgħu jaċċessaw is-servizzi li jkollhom bżonn f’punt tant kruċjali.

Richmond Foundation qalet li għalkemm mhemm xejn ħażin bili wieħed joffri servizz bi ħlas dwar servizzi fil-qasam tas-saħħa mentali qalet li meta jiġu reklamti servizzi bħal dawn fil-midjagħandu jkun ċar jekk humiex bil-jew bla ħlas.

Il-fondazzjoni tkellmet ukoll dwar l-intervent mediku imsejjaħ Trans-cranial Magnetic Stimulation. Qalet li kull tip ta’ informazzjoni li jkun hemm fil-midja dwar dan l-intervent għandha tkun appoġġjata b’evidenza xejntifika.

Reċentament, il-Kummissarju għas-Saħħa Mentali Dr John Cachia tenna l-appell tiegħu lill-awtoritajiet sabiex jimplementaw servizz nazzjonali li jwieġeb għal emerġenzi psikjatriċi.

Bżonn ta’ servizz nazzjonali għall-emerġenzi psikjatriċi – Il-Kummissarju

Il-psikjatra Dr Mark Xuereb qal ma’ Newsbook.com.mt li skont riċerka li għamel hu, it-TMS huwa trattament akut u fi ftit minuti biss jista’ jnaqqas il-ħsibijiet tas-suwiċidju. Qal li skont ir-riċerka tiegħu, din ġrat f’56% tal-każijiet li studja. Spjega li sessjoni tat-tip tieħu ftit inqas minn nofs siegħa.

Dr Cachia tkellem ukoll dwar it-Transcranial Magnetic Stimulation (TMS) u saħaq li sa fejn jaf hu bħalissa dan il-metodu mhux approvat minn aġenziji ewlenin tas-saħħa sabiex jintuża biex jitnaqqsu l-ħsibijiet ta’ suwiċidju.

Richmond Foundation fakkret li min ikollu bżonn xi parir dwar is-saħħa mentali jista’ jċempel fuq 1770 mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn it-8 am u s-7 pm.