Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħabbret li wara xogħol estensiv tul dawn l-aħħar jiem fiż-żona ta’ Ħaż-Żabbar, ġiet aġġornata l-provvista tal-ilma lejn in-Nofsinhar ta’ Malta biex issa meta jkun hemm xi qtugħ fil-provvista, in-nies jagħmlu inqas ħin mingħajr ilma.

Il-Korporazzjoni qalet li kienu tlett ijiem impenjattivi ta’ tħaffir f’ħames żoni biex isiru l-preparamenti meħtieġa. Fl-aħħar jum, imbagħad, twettaq it-titjib meħtieġ. Is-CEO Richard Bilocca spjega li dawn il-ħames konnessjonijiet importanti ngħaqdu sabiex meta jkun hemm il-ħsara fil-provvista, iż-żona tintema’ minn xi sors ieħor biex ir-residenti jkollhom l-ilma xorta waħda. Biex seta’ jsir dan ix-xogħol kellha tingħalaq il-provvista tal-ilma fil-maġġoranza tal-lokalitajiet fin-naħa t’isfel ta’ Malta.

Aqra: Triq magħluqa f’Ħaż-Żabbar billejl u binhar minħabba xogħlijiet

Il-Ministru għall-Immaniġġjar tal-Ilma Joe Mizzi stqarr li dan ix-xogħol se jiggarantixxi li f’każ ta’ ħsarat fil-provvista tal-ilma f’dawn il-lokalijiet, id-dewmien jitnaqqas b’mod konsiderevoli, u l-pressa tal-ilma għandha tkun aħjar minn qabel. Ix-xogħol sar, qal il-Ministru, peress li dawn l-akkwati jbatu minn ħafna qtugħ fil-provvista.

Ilbieraħ filgħodu diversi lokalitajiet reġgħu bdew jingħataw l-ilma u sal-bieraħ filgħaxija, is-servizz kellu jkun normali mill-ġdid fil-lokalitajiet kollha.

Min jibqa’ jesperjenza xi problema fis-servizz huwa mħeġġeġ iċempel fuq 8007 6400.