Missjunarji f'ħidma mal-familji fil-muntanji fl-Albanija

Il-Papa Ġwanni Pawlu I kien iddeskriva lil Don Luigi Orione, fundatur tal-“Opra Żgħira tal-Providenza Divina” bħala “strateġista tal-ħniena”. Fil-fatt dan is-saċerdot kien iqisu lilu nnifsu bħala “Servjent tal-Providenza Divina”.

Don Luigi Orione, ma kienx jagħmel ħafna misoqsijiet iżda kien jaħdem ħafna.  Il-motto li mexxih f’ħidmietu kien: “Tistaqsix min hu, x’inhu jew x’jemmen. Staqsi biss dwar it-tbatija tiegħu”.

Orfanatrofji u skejjel vokazzjonali

B’din il-filosofija u f’dan l-ispirtu kien waqqaf orfanatrofji u skejjel vokazzjonali għax kien jaf li l-futur tat-tfal abbandunati kien jiddependi minn kif u x’se jitgħallmu.  Għal aktar minn 20 sena, il-Kongregazzjoni ta’ Don Orione ilha tmexxi missjonijiet għal mijiet ta’ familji f’Bardhaj, li jgħixu f’riġeljn il-muntanji fid-djoċesi ta’ Shkodra fl-Albanija.

Wara li ntemmet id-dittatura ta’ Enver Hoxha, tliet missjunarji ta’ din l-Ordni ħarġu mill-villaġġi muntanjużi fejn kienu jgħixu bil-moħbi minħabba t-tiranija ateista tar-reġim u llum Don Ronaldo, Don Dorian u Don Giuseppe qed jieħdu ħsieb il-bżonnijiet spiritwali u materjali ta’ madwar 4,000 persuna.

Dan barra li għandhom erba’ komunitajiet missjunarji oħra fil-muntanji li bi tbatija jintlaħqu b’karrozza. Kull ġimgħa jivvjaġġaw għal madwar 400 kilometru biex jaqdu lil dawn in-nies. Bla ma jilmentaw. Jaħdmu biss.

Lill-morda jgħinuhom permezz tal-mediċina, itaffu l-għatx għal Alla bil-katakeżi, il-ġuħ fiżiku permezz tal-ħobż u ikel u l-ħtiġijiet spiritwali bit-talb. Imma jieħdu lil Alla għand in-nies u jressqu lin-nies lejn Alla. Madwar 60% tat-3 miljun persuna li jgħixu fl-Albanija huma Musulmani.

Santa Madre Tereza

Il-Kattoliċi huma madwar 10%. Irnexxielhom iżommu l-fidi Kattolika tul deċenji ta’ dittatorjat ateu. Waħda minn dawn kienet Santa Madre Tereza li meta kellha 12-il sena telqet lejn l-Indja. Il- Kattoliċi bilkemm jafu l-katekiżmu imma hemm, fuq il-muntanji huma għatxana biex iżuruhom dawn it-tliet saċerdoti.

Meta s-saċerdoti jdumu ma’ jaslu, minħabba t-toroq imfarrka, il-Kattoliċi jibdew jibżgħu li l-jeep antika li jivjaġġaw biha tkun waqfitilhom, kif spiss jiġri.  Iżda mingħajr din il-karrozza il-ħidma missjunarja ta’ dawn it-tliet saċerdoti kuraġġjużi, ikollha tieqaf kważi għal kollox, u dan m’hu tajjeb għal ħadd.