Il-Partit Demokratiku sejjaħ id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Ippjanar biex kamra żgħira f’art verġni fil-limiti tal-Qala tinbidel f’villa “redikola.” Fi stqarrija, il-PD qal li r-rifjut tad-Direttorat, flimkien mad-diżapprovazzjoni tal-ERA u s-Supratendenza tal-Wirt Kulturali, ġiet injorata mill-Kummissarju tal-Ippjanar, u qalgħet ċanfira.
Skont rapport ta’ The Times of Malta, il-kuntrattur Mark Agius, magħruf bħala “ta’ Dirjanu,” applika biex ibiddel il-fdalijiet ta’ 31 metru kwadru f’residenza b’madwar 200 metru kwadru b’pixxina li tħares fuq il-pajsaġġ fil-limiti tal-Qala.
Il-Membru Parlamentari Marlene Farrugia qalet, “Għajb għall-ħnieżer! Ix-xahar id-dieħel il-Kummissjoni biħsiebha tapprova din l-applikazzjoni fuq premessa falza li mitt sena ilu din il-kmajra kienet abitata. Tal-mistħija li periti (li qablu li jissottomettu din l-applikazzjoni bil-ħlas) urew li huma pupazzi f’idejn l-oligarki li jmexxu dan il-pajjiż.”

Min-naħa tiegħu, il-Membru Parlamentari Godfrey Farrugia qal li hu tajjeb li l-Ministru Herrera kien kontra d-direzzjoni li ħadet il-Kummissjoni, peress li l-Ministru kiteb tweet ilbieraħ li fiha qal li mhux sew li l-Kummissjoni qed tmur kontra l-fehma ta’ kulħadd. Farrugia rrimarka li minkejja li l-entità suppost qiegħda hemm biex tħares l-interess pubbliku, din naqset milli tirrikonoxxi l-ambjent naturali.
Il-PD kellu appell biex Għawdex ma jinħatafx minn “spekulaturi rgħiba u negozju bla skrupli.”