Malta għandu jkollha l-klima simili l-aktar għal ta’ Tel Aviv sas-sena 2050.
Dan ġie mbassar minn riċerka li saret riċentament, li tgħid li l-ogħla temperatura tal-iżjed xahar sħun għandha togħla bi 3.5°C, bit-temperatura medja tinbidel b’1.7°C.

Din ir-riċerka ta’ 520 belt madwar id-dinja ġiet ippubblikata fil-ġurnal Plos One. Hu indikat li 77% tal-bliet madwar id-dinja se jesperjenzaw bidliet sinifikanti fil-klima, filwaqt li 22% se jesperjenzaw kundizzjonijiet tat-temp li għadhom ma jeżistux. L-iżjed bidliet drammatiċi għandhom isiru fil-bliet li huma fil-latitudnijiet tat-Tramuntana.

Hu mbassar li l-bliet Ewropej se jkollhom medja ta’ 3.5°C iżjed fis-sajf, u 4.7°C iżjed fix-xitwa. Il-klima ta’ Londra għandha tkun tixbah lil dik ta’ Barċellona llum, dik ta’ Moska tixbah lil dik ta’ Sofia llum u dik ta’ Stokkolma tixbah lil ta’ Vjenna llum.