Stħarriġ li sar minn kumpanija  fl-Ingilterra li ssib ix-xogħol wera li l-aktar tliet affarijiet tal-ikel li wieħed m’għandux jiekol fl-uffiċċju waqt il-brejk huma l-bajd mgħolli, il-ħut fil-landi u l-isnacks li jqarmċu li ssibhom fil-pakketti.

Don Burgess, impjegat ma’ kumpanija tal-birer, hu tal-fehma li s-sandwiches bil-bajd inittnu uffiċċju u huma l-aktar ikel anti-soċjali u li jdejqu lill-kollegi. Ħaddiem ieħor qal li ħadd m’għandu jitħalla jiekol ikel sħun fl-uffiċċji għax, skont hu, għandu jkun hemm post fejn jista’ jittiekel dan l-ikel. Dan jgħodd speċjalment għall-ikel Ċiniż jew ħut.

“Mhux sew,” qalu xi wħud, “li waqt li int qed tipprova tikkonċentra quddiem komputer tisma’ lil ta’ ħdejk jiftaħ pakkett snacks u ħallih igerrem ma’ widnejk, inkella jmeċlaq.”

L-istess ħaġa tgħodd għall-frott. Waħda qalet li jekk għandek tiekol xi frotta tikolx tuffieħ li meta jingidem jagħmel dak il-ħoss tat-tqarmiċ.

L-istess stħarriġ mill-kumpanija Glassdoor sab li 23% tal-impjegati jieklu fuq l-iskrivanija waqt il-waqfa mix-xogħol. 36% qalu li jippreferu joqogħdu għalihom, 28 fil-mija jidħlu fl-internet, 26% jieklu ma’ sħabhom barra mill-uffiċċju, 16% jmorru jixtru u 10% jagħmlu xi forma ta’ eżerċizzju. Oħrajn ikunu fuq il-midja soċjali, jagħmlu xi qadjiet inkella jilagħbu online.

Hemm min hu tal-fehma li dawk li jibqgħu fl-uffiċċju u jieklu fuq l-iskrivanija forsi jkunu qed jippruvaw juru kemm huma importanti u tant għandhom xogħol li ma jissugrawx joħorġu minn fuq il-post tax-xogħol.