Michelle Obama, mart l-eks President Amerikan Barak Obama, waqt intervista fuq l-istazzjon televiżiv CBS, stqarret kemm kien ikun ta’ skomdu għaliha meta t-tfal bniet tagħha kienu jridu jmorru jorqdu għand ħbiebhom.

Meta missierhom kien elett President fl-2008 Malia u Sasha kellhom 9 u 6 snin rispettivament u għamlu tmien snin joqogħdu fil-White House. Iż-żewġt ibniet kien ikollhom bżonn protezzjoni kulfejn imorru u għalhekk meta kienu jorqdu ’l barra mill-White House kien ikun hemm il-ħtieġa li qabilhom kienu  jmorru aġenti speċjali tas-sigurtà u operaturi oħra li jfittxu f’kull rokna tad-djar fejn kienu se jgħaddu l-lejl il-bniet.

Michelle Obama kienet twissi lill-familji biex jekk fid-dar kellhom moħbija xi armi jew drogi kien ikun jaqbel li jgħidu bihom mill-ewwel lil dawn l-aġenti għax hekk jew hekk, dawn xorta kienu se jsibuhom.

Il-mara qalet li xi wħud baqgħu mbellħa meta qabel kienu jaslu uliedha għandhom kienu jmorru aġenti speċjali tas-sigurtà li jitolbuhom id-data tat-twelid tagħhom u n-numru tas-Sigurtà Soċjali.

“U ma setax ma ngħidilhomx ukoll,” kompliet tgħid il-mara, “li matul il-lejl kien se jkun hemm raġel armat għassa mal-bieb tal-kamra tas-sodda tat-tfal.”