Il-Kunvent ta’ Santu Wistin fil-Belt Valletta se jkun qed jiġi restawrat permezz ta’ €2.3 miljun mill-fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamanetari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali Aaron Farrugia waqt konferenza stampa. Dan il-proġett se jinkludi restawr estensiv tal-faċċati ta’ ġewwa u barra. Permezz ta’ dan ir-restawr se jinħoloq ċentru ta’ interpretazzjoni għal dawk li jżuru dan is-sit. Iċ-ċentru jinkludi diversi elementi u attrazzjonijiet; kenn, kripta, cloister u gallariji li jesebixxu l-istorja tal-Mandraġġ, il-knisja u l-kunvent.

Dan ix-xogħol se jkun qed jinkludi fih ir-restawr u l-konservazzjoni tal-faċċata tal-kunvent ta’ Santu Wistin, skavar ta’ parti mill-bitħa u xogħlijiet relatati, installazzjoni ta’ lift għal aċċessibilità aħjar, installazzjoni ta’ elettriku, sistema mekkanika li tinkludi CCTV u sistema tat-tifi u kontroll tan-nirien.

Intant il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonniċi fi  żjara fil-Knisja ta’ San Ġużepp Santa Venera ħabbar li d-Direttorat tar-Restawr li se jkun qiegħed jieħu ħsieb ir-restawr tal-faċċata u l-kampnar tal-Knisja ta’ San Ġużepp f’Santa Venera

Bonnici qal li d-direttorat qed jissodisfa l-istrateġija tal-gvern fejn jiżguraw li x-xogħol ikun aċċessibbli għal kulħadd, u jiżguraw li permezz tax-xogħol u d-dedikazzjoni, jkompli jagħmel monumenti u  binjiet storiċi lokali disponibbli għall-ġenerazzjonijiet futuri permezz tar-restawr.

Ix-xogħlijiet pjanati fuq il-knisja huma tindif minn ħmieġ bijoloġiku u brix bi xfafar apposta, konsolidazzjoni strutturali, bdil fil-ġebel, plastic repair, tikħil estensiv u tneħħija ta’ inserzjonijiet tal-metall. Il-faċċata għandha stil klassiku, il-parti t’isfel hija mibnija fuq l-ordni Ioniku. Il-parti ta’ fuq hija fuq l-istil Korintian.