L-Assoċjazzjoni Sport Muturi u Karozzi se torganizza l-aħħar attivita tal-istaġun 2018/2019 qabel il-waqfa tas-sajf. Din se tkun attivita speċjali fejn il-programm se jkun qed jagħlaq bid-Demolition Derby tal-Vannijiet. Id-Demolition tibda’ fil-11:00pm u se ssir nhar is-Sibt 13 ta’ Lulju 2019.

Skont l-Assoċjazzjoni, wara s-suċċess li kisbet din l-attività li saret għall-ewwel darba s-sena l-oħra, se tkun qed terġa’ ssir għat-tieni darba din is-sena. B’kollox irreġistraw 16-il sewwieq. Il-biljetti għal din l-attività jistgħu jinxtraw mill-bieb għall-prezz ta’ €5 għall-kbar u t-tfal jidħlu b’xejn.

Min-naħa tal-klassifika Autocross, kollox jidher li hu deċiż kemm fis-sezzjoni Modified kif ukoll dik Standard. Mis-sezzjoni Modified kollox jodher li Melo Zammit se jkun qed jibqa’ l-ewwel fil-klassifika b’241 punt. Isegwuh kemm Terence Azzopardi u Noel Zammit rispettivament. Mis-sezzjoni Standard insibu lil Kyle Agius li qiegħed l-ewwel b’60 punt, segwit minn Johann Vella u Jerome Peplow rispettivament. Id-distakk bejn Vella u Peplow huwa biss ta’ punt.