L-anzjani li qed jgħixu fi djar residenzjali se jkunu jistgħu jagħmlu użu minn servizz ta’ salon tax-xagħar b’xejn f’għeluq sninhom. Dan ġie mħabbar mis-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Anthony Agius Decelis flimkien mal-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva Dr Renzo Degabriele.

Is-salon tax-xahar il-ġdid li jinsab f’dar residenzjali tal-anzjani fl-Imtarfa se jkun qed jagħti rigal f’għeluq snin 2,500 anzjan li jagħmlu użu mis-servizzi residenzjali tad-Dipartiment. Is-servizz se jingħata minn hairdressers kwalifikati.

Agius Decelis stqarr li l-għan wara dan kollu huwa li l-anzjani, wara li jkunu taw kontribut qawwi lejn is-soċjetà Maltija, ikomplu jgħixu b’dinjità. Dr Degabriele qal li s-salon sar permezz ta’ investiment ta’ madwar €14,000.

Anzjana li tkellmet ma’ Newsbook.com.mt qalet li tinsab onorata li hi kienet l-ewwel persuna li għamlet użu mis-servizzi ta’ dan is-salon. Intant f’kumment ma’ Newsbook.com.mt Agius Decelis qal li l-anzjani se jkunu jistgħu mhux biss jagħmlu xagħarhom iżda wkoll il-make up u d-dwiefer.

Is-salon sar b’disinn retro u ġie żviluppat mill-Kap Eżekuttiv tad-Dipartiment flimkien mal-Assistent Direttur u l-management responsabbli sabiex l-anzjani li jżuru dan is-salon jiftakru fiż-żmien tal-imgħoddi.