Arkivji

Il-karozzini taż-żwiemel mhux se jkunu jistgħu jagħmlu aktar vjaġġi bejn is-1pm u l-4pm fl-eqqel tas-sajf. Dan ġie mħabbar mis-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali Clint Camilleri waqt konferenza tal-aħbarijiet.

Camilleri qal li din id-deċiżjoni qed toffri sens ta’ bilanċ bejn dak li hu trattament xieraq għall-annimali u l-aspett ekonomiku.

Spjega li l-avviż legali huwa mibni fuq il-prijorità lejn is-saħħa tal-annimal u semma li f’dan il-każ iż-żiemel mhux qed jiġi mħares biss bħala mezz ta’ trasport. Qal li l-avviż legali jieħu konoxxenza tal-aktar perjodi u ħinijiet sħan tas-sajf, tal-istress taż-żiemel fil-ħidma tiegħu b’mod repetut, kif ukoll tat-tagħbija li jkun qed iġorr.

L-avviż legali jgħid li l-karozzini ma jistgħux jiċċirkolaw f’xi triq matul il-perjodu bejn l-ewwel ta’ Lulju u l-aħħar t’Awwissu, bejn is-1pm u l-4pm. L-uffiċjali issa jistgħu jitolbu li żiemel jitneħħa mit-triq jekk ikun qed isir abbuż min-naħa tas-sid. Żiemel jista’ jintuża biss fi ġranet alternattivi, filwaqt li ma jistax jintuża għal vjaġġi f’aktar minn tlett ijiem f’ġimgħa waħda. L-avviż ikompli billi jgħid li kull vjaġġ ma jistax idum aktar minn 45 minuta u ma jistax jgħabbi aktar minn 5 persuni inkluż is-sewwieq.

Intant attivista favur l-annimali kkritikat l-avviż legali u tenniet li hemm numru ta ineżattezzi fih. Qalet li Ġunju u Settembru għandhom ikunu wkoll parti mix-xhur li ż-żwiemel ma jitħallewx ikunu fit-toroq waranofsinhar hekk kif dawn ix-xhur huma sħan ukoll. Staqsiet kif se jsir monitoraġġ li ż-żwiemel ma jitħaddmux kuljum u kif dawn ma jaqbżux il-45 minuta.