RMJ Horse Rescue, li huwa l-uniku santwarju taż-żwiemel f’Malta. Il-volontiera jieħdu ħsieb żwiemel li fil-maġġoranza jkunu sejrin għall-qattla. Newsbook.com.mt tkellem ma’ Korin Farrugia li spjegat li ħafna miż-żwiemel ikunu nġiebu minn barra biex jieħdu sehem fil-ġiri. Iżda wara li dawn ma jibqgħux tajbin għall-kompetizzjonijiet, ħafna mid-drabi jittieħdu għall-qattla. RMJ Horse Rescue, kemm jista’ jkun jiġbru lil dawn iż-żwiemel biex joffrulhom futur aħjar għand persuni li joffru li jżommuhom hawn Malta jew anki xi drabi jittieħdu barra minn Malta.

Korin spjegat kif f’ġurnata tipika, hi tmur is-santwarju kmieni filgħodu biex flimkien ma’ persuni oħra jagħtuhom x’jieklu u joħorġuhom ftit. Wara din il-biċċa xogħol, il-voluntiera jmorru għax-xogħol biex imbagħad wara nofsinhar jerġgħu jiltaqgħu fis-santwarju biex inaddfu l-istallel, joħorġuhom dawra kif ukoll jaħsluhom. Korin appellat lill-pubbliku għall-għajnuna. Hi qalet li tifhem li l-maġġoranza tan-nies ma jistgħux jaddottaw żiemel iżda hemm modi oħra ta’ kif wieħed jista’ jgħin. Min hu interessat jista’ jew jagħti donazzjoni, jew imur hu stess biex jagħti daqqa t’id fl-istallel.

Għal aktar informazzjoni żur il-paġna ta’ Facebook ta’ RMJ Horse Rescue.